Navigate Up
Sign In

NAG • L-Arkivju ta’ Għawdex

L-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex (NAG) hu frott il-ħidma tal-Onorevoli Anton Tabone, l-ewwel Ministru għal Għawdex, u Joseph Bezzina, arkivista professjonali.  Is-suċċessuri tal-ewwel ministru, Dr Anton Refalo, sew bħala Segretarju Parlamentari għal Għawdex u sew bħala Ministru għal Għawdex, u l-Onorevoli Giovanna Debono u l-Onorevoli Justyne Caruana, Ministri għal Għawdex, komplew jippromovu bla heda din l-istituzzjoni.

Fl-1 ta’ Awwissu 1989, Joseph Bezzina beda jaħdem part-time mal-Ministeru għal Għawdex biex jibni l-Arkivju ta’ Għawdex.  L-ewwel dokumenti li daħlu kienu l-mitejn u ħamsa u sittin (265) reġistru li waslulna minn tal-Universitas Gaudisii. Hu ovvju li l-Universitas, li ffunzjonat minn madwar l-1350 sal-1818, kienet ipproduċiet wisq aktar. Il-parti l-kbira tad-dokumenti ntilfu jew inqerdu. Dan il-fatt waħdu xpruna iktar il-ħtieġa għat-twaqqif ta’ din l-istituzzjoni ġdida f’Għawdex.

L-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex ġie inawgurat uffiċjalment fl-24 ta’ Novembru 1989 minn Dr Ugo Mifsud-Bonnici, dakinhar Ministru tal-Edukazzjoni, u minn Anton Tabone, il-Ministru għal Għawdex. Dan seħħ fuq xahrejn qabel il-Parlament Malti, fit-30 ta’ Jannar 1990, għadda l-Att biex jirregola l-Arkivji Nazzjonali. 

Il-ħsieb kien li l-NAG ikun istituzzjoni pubblika li fiha tinżamm kull dokumentazzjoni marbuta mad-dipartimenti tal-Gvern, kemm tal-passat u kemm tal-preżent, u ma’ istituzzjonijiet oħra tal-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna.

Iċ-Ċirkulari OPM/E/82/83, maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Iżvilupp tal-Istaff fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (Lulju 1991), taħt it-titlu Gozo Records tiddikjara b’mod ċar li “kull dokumentazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, tat-taqsimiet tad-dipartimenti tal-Gvern f’Għawdex, u tal-enti pubbliċi mwaqqfa għal Għawdex għandha tiġi ddepożitata fis-Sezzjoni ta’ Għawdex tal-Arkivju Nazzjonali li twaqqfet maġenb il-Librerija Pubblika ta’ Għawdex”.

Id-dokumenti fihom kull tip ta’ informazzjoni u huma prinċipalment miktuba, iżda jiġbru wkoll mapep, disinni, ritratti, negattivi ta’ ritratti, filmati ċinematografiċi, reġistrazzjonijiet ta’ kull tip ta’ materjal kemm jekk awdjo u kemm jekk viżiv, kif ukoll kull għamla oħra ta’ dokumentazzjoni miżmuma mill-Gvern; dawn kollha jservu bħala tifkira jew evidenza awtentika ta’ fatt jew ġrajja. Tinżamm f’dan l-Arkivju kull dokumentazzjoni li l-uffiċċjali ta’ enti jipproduċu jew jirċievu f’rabta mal-uffiċċju tagħhom. Enti tfisser kull entità pubblika, semipubblika, istituzzjonali, kummerċjali, jew privata li hi relatata mal-Gvern.

Fl-1 ta’ Awwissu 1989, fl-Arkivju kien hemm depożitu ta’ 305 dokumenti. Wara daqstant snin, id-depożiti qabżu s-sittax-il elf.  Dawn l-eluf ta’ dokumenti nġabru b’reqqa kbira minn ġo armarji qodma, kmamar bla arja, u kantini umdi u mdallma f’diversi dipartimenti tal-Gvern imxerrda mal-gżira. Issa huma kkatalogati u miżmuma b’attenzjoni kbira fl-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex.

 

Contact Information:

 Contact Name 
Triq Vajrinġa 
Victoria-Gozo 
VCT 1313
View map
 Telephone
(+356) 2155-8833​

 Email