Il-ħtieġa li Għawdex ikollu l-arkivju ġenerali tiegħu kien ilha tinħass żmien twil. Fil-fatt, l-Universitas Gaudisii – il-gvern reġjonali ta’ Għawdex fi żmien il-Medjuevu (1350-1530) u l-Kavallieri ta’ San Ġwann (1530-1798) – kellha l-arkivju tagħha: L-Arkivju ta’ Għawdex. Biż-żmien, dan kważi spiċċa u sar biss parti mill-istorja.
Il-ħtieġa tal-ħolqien ta’ depożitu għad-dokumenti li l-enti tal-Gvern f’Għawdex jipproduċu jew jirċievu fil-ħidma tagħhom tressqet kemm-il darba f’laqgħat formali u informali. Fis-snin sittin, il-Kunsill Ċiviku ta’ Għawdex – imwaqqaf bħala Gvern Statutorju fis-sena 1961 – iddiskuta l-kwistjoni f’iktar minn okkażjoni waħda, imma l-proġett baqa’ ma mmaterjalizzax. Għal diversi snin, il-biċċa raqdet fuq ommha, bir-riżultat li eluf fuq eluf ta’ dokumenti importanti nqerdu jew intilfu.
Il-ħidma għat-twaqqif tal-Arkivju ta’ Għawdex, l-NAG – L-Arkivji Nazzjonali (Sezzjoni ta’ Għawdex) – bdieha mill-ġdid l-Onorevoli Anton Tabone, l-ewwel Ministru għal Għawdex, flimkien ma’ Joseph Bezzina, arkivista professjonali. Intgħażlet sala ġdida mibnija maġenb il-Librerija Pubblika ta’ Għawdex bħala post adattat għal arkivju.
It-terminu arkivju jfisser il-kollezzjoni kkatalogata ta’ dokumenti li enti tkun ipproduċiet jew irċeviet fil-ħidma tagħha u li huma ppreservati minnha, mis-suċċessuri tagħha, jew minn repożitorju awtorizzat li jitqies bħala l-estensjoni tal-enti. It-terminu Arkivju Nazzjonali jirriferi għad-depożitu ta’ dokumenti ta’ natura pubblika li m’għadhomx jintużaw għal fini ta’ amministrazzjoni. L-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex iservi bħala istituzzjoni pubblika li fiha tinżamm dokumentazzjoni tal-enti uffiċjali tal-passat u tal-preżent fil-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna u li d-dokumenti tagħhom baqgħu ma nqerdux mal-medda tas-snin.
L-ewwel arkivju f’Għawdex, kif diġà ntqal, kien dak tal-Universitas Gaudisii. Din l-enti muniċipali twaqqfet madwar is-sena 1350 bħala korporazzjoni biex tħares l-interessi lokali – fi żmien meta Malta u Għawdex kienu ggvernati mill-Aragoniżi minn Sqallija. Kienet bejn wieħed u ieħor simili għal bosta muniċipji tal-ibliet fir-reġjuni Mediterranji tal-Punent Latin b’Ħakem jew Capitano della Verga assistit minn erba’ mħallfin jew giurati u uffiċċjali oħra. Il-Kunsill tagħha kien jittratta bosta kwistjonijiet ta’ kummerċ lokali: kien responsabbli mill-fortifikazzjonijiet, is-swieq, u l-indafa tal-belt. Seta’ jagħżel l-uffiċċjali tiegħu, jagħmel it-taxxi, u jressaq petizzjonijiet lir-Re ta’ Sqallija li miegħu kienet tagħmel Malta.
L-Universitas kompliet tiffunzjona anki wara s-sena 1530, meta Għawdex u Malta għaddew taħt it-treġija tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Mill-1550, il-kap tal-Universitas u tal-gżira ta’ Għawdex kien kavallier li kellu t-titlu ta’ Gvernatur ta’ Għawdex. Ir-responsabbiltajiet tal-Universitas kienu jvarjaw minn żmien għall-ieħor. Meta fis-sena 1800, Għawdex u Malta għaddew taħt l-amministrazzjoni Brittanika, ir-rwol tal-Universitas tnaqqas bis-sħiħ. Il-funzjonijiet tagħha ġew limitati bil-kbir meta, fil-15 ta’ Ottubru 1814, l-uffiċċju ta’ Gvernatur ta’ Għawdex ġie soppress mill-ewwel Gvernatur Ingliż. Permezz tal-Proklamazzjoni IX tat-30 ta’ Diċembru 1818, l-Universitas ġiet xolta b’effett mill-1 ta’ Jannar 1819.
Id-diversi attivitajiet tal-Universitas wasslu għall-ħolqien ta’ għadd ta’ dokumenti sa mill-bidu tagħha. Dan nafuh minn sorsi barranin, billi d-dokumentazzjoni lokali ntilfet fl-assedju Tork tas-sena 1551. L-eqdem dokumentazzjoni li għandna f’Għawdex tmur lura għas-sena 1560. Din kienet tagħmel parti mill-aktar sezzjoni importanti tal-arkivju li kellha l-Universitas: ir-reġistri Actorum et Negotiorum, atti u transazzjonijiet ta’ kull għamla u tip. Sezzjonijiet oħra tal-arkivju tagħha huma mfissra infra.
B’xorti ħażina, dan l-arkivju importanti bosta drabi ġie ttrasferit minn post għall-ieħor u numru kbir ta’ dokumenti saritilhom ħsara jew inqerdu huma u jinġarru. Għall-bidu kienu miżmuma fil-bini qadim tal-Universitas fiċ-Ċittadella. Fl-1661, ġew ittrasferiti minn hemm għall-Banca Giuratale fiċ-ċentru tar-Rabat. Meta l-Banca twaqqgħet biex tagħmel wisa’ għal bini ġdid, id-dokumenti ttieħdu band’oħra. Dawn ġew ittrasferiti lura lejn il-Banca li nbniet u nfetħet mill-ġdid fl-1733. Fis-sena 1819, dan l-arkivju importanti waqa’ f’idejn l-Ingliżi u nżamm f’postijiet xejn adattati fil-Banca u mkejjen oħra. Kmieni fis-seklu għoxrin, ġew imwarrba għall-ġenb f’kantina taħt l-art fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għal Għawdex f’nofs Triq ir-Repubblika, ir-Rabat.
F’Diċembru 1952, il-volumi li kienu għadhom sħaħ ġew ittrasferiti lejn il-Librerija Pubblika ta’ Għawdex, fejn ġew ikkatalogati għall-ewwel darba. Dan l-ikkatalogar kellu jsir mill-ġdid għax instab li bosta volumi ma kinux fis-sezzjoni tagħhom. Mitejn ħamsa u sittin volum biss waslulna.
Id-dokumenti tal-Universitas ġew ittrasferiti ġewwa l-bini tas-Sezzjoni ta’ Għawdex tal-Arkivju Nazzjonali nhar l-1 ta’ Awwissu 1989. Huma jiffurmaw il-qalba ta’ dan l-arkivju.