CA |
Biċċerija tal-Gvern |
1891 - 1986 |
CC |
Kunsill Ċiviku |
1959 – 1973 |
CG |
Curia Gubernatorali (Qrati tal-Liġi) |
1609+ |
CI |
Istituzzjonijiet Karitattivi |
1859 – 1947 |
CP |
Ċirkularijiet u Posters
|
1814+
|
CR |
Kollezzjoni Cremona |
1873-1942 |
DF |
Dokumentarji u Filmati |
1988+ |
GB |
Malta Government Savings Bank |
1853 – 1978 |
GL |
Fanal tal-Ġurdan |
1877 – 1981 |
GM |
Ġuljana Masini |
1554 – 1930 |
HI |
Sptarijiet u Istituzzjonijiet oħra |
1993+ |
IR |
Taxxi Interni |
1903+ |
LC |
Kunsilli Lokali |
1993+ |
MG |
Ministeru għal Għawdex |
1987+ |
MH |
Dipartiment tal-Mediċina u s-Saħħa |
1875 – 1970 |
MP |
Monte di Pietà |
1817 – 1979 |
PA |
Ritratti u Albums |
1945+ |
PD |
Dipartimenti tal-Pulizija |
1889+ |
PM |
Pjanti u Mapep |
1860+ |
PO |
Uffiċċju tal-Passaporti |
1988+ |
PW |
Xogħlijiet Pubbliċi |
1840+ |
SG |
Segretarjat tal-Gvern |
1803+ |
SN |
Ismijiet tat-Toroq |
1987+ |
SS |
Skejjel tal-Gvern |
1845+ |
ST |
Statistika |
1667+ |
UG |
Universitas Gaudisii |
1560 – 1819 |
ZM |
Mixxellanja |
1575+ |
---|
|
|
|
|
|
Il-kodiċi mogħtija lill-entijiet ifissru ruħhom waħidhom. Li ġejja hi deskrizzjoni qasira tal-kontenut ta’ kull enti.
AG • Arkivju Nazzjonali (Sezzjoni ta’ Għawdex) 1989+
Din hi kollezzjoni, miġbura matul is-snin ġewwa l-arkivju stess, ta’ materjal marbut mal-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex, u tinkludi korrispondenza u dokumenti oħra.
CA • Biċċerija tal-Gvern 1891 – 1986
Din hi d-dokumentazzjoni tal-Biċċerija ta’ Għawdex, u tinkludi listi ta’ bhejjem imbiċċra, bis-sidien u x-xerrejja tagħhom, ħlasijiet għall-veterinarji, reġistri tal-ħżin, u dokumenti oħra.
CC • Kunsill Ċiviku 1959 – 1973
Dan hu d-depożitu tad-dokumenti ta’ dak li kien il-Kunsill Ċiviku ta’ Għawdex. Fl-1960, parti mill-amministrazzjoni ta’ Għawdex għaddiet taħt idejn dan il-Kunsill, li twaqqaf fit-23 ta’ Novembru 1958, u sa mill-4 ta’ April 1960 ingħata f’idejh ammont konsiderevoli ta’ responsabbiltà amministrattiva. L-Ordinanza XI tal-14 ta’ April 1961 stabbiliet il-Kunsill bħala enti governattiva lokali statutorja b’personalità legali distinta. Id-depożiti jikkonsistu f’minuti, xi kotba tal-kontijiet, kotba tal-irċivuti u reġistri oħra.
CG • Curia Gubernatorali (Qrati tal-Liġi) 1609+
L-iktar depożitu konsistenti, sal-lum il-ġurnata, hu magħmul minn dokumentazzjoni tal-Curia Gubernatorali Insulæ Gaulos, il-Qorti tal-Gvernatur f’Għawdex, illum magħrufa bħala l-Qrati tal-Ġustizzja.
Aktarx li l-ewwel Qrati tal-Ġustizzja f’Għawdex twaqqfu mal-Universitas, u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja waqgħet taħt il-kompetenza tagħha. Kien hemm qorti ċivili u ieħor kriminali, flimkien ma’ qorti tal-appell. Il-funzjonijiet tal-Qorti żdiedu fl-1803 u fl-1840.
Id-dokumenti li ġew ittrasferiti lejn l-arkivju jibdew mill-1609 u jinkludu ġabra ta’ forom differenti ta’ kawżi normalment marbuta mal-Qrati. Dawn jinkludu:
• Registri Atti Civili kif ukoll Registri Sentenze, deċiżjonijiet tal-qorti b’sommarju tal-atti tal-kawżi;
• Registri Mandati u Mandati, atti ta’ prekawzjoni, inklużi mandati ta’ arrest, ordnijiet ta’ sekwestru, mandati ta’ impediment ta’ tluq, mandati ta’ inġunzjoni projbitorja, u mandati ta’ “meditatio fugae”;
• Citazioni u Citazioni e Depositi, kawżi mibdija b’libell, petizzjonijiet, taħrik jew applikazzjonijiet;
• Processi, digrieti f’materji ċivili ta’ ġurisdizzjoni volontarja;
• Depositi, dokumentazzjoni ta’ depożiti ta’ flus, deheb, fidda u oġġetti oħra, u talbiet marbuta magħhom;
• Subaste, talbiet għal bejgħ bi rkant u dokumentazzjoni marbuta magħhom;
• Registri Bandi e Subaste, diversi avviżi pubbliċi;
• Libelli, talbiet bil-miktub li jiġbru fihom id-dikjarazzjoni tal-kwerelant għat-talba tiegħu u dokumenti li jkun ipproduċa biex jissustanzja l-kawża tiegħu.
U ma’ dawn, ħafna oħrajn.
CI • Istituzzjonijiet Karitattivi 1859 – 1947
Dan id-depożitu jikkonsisti f’ittri, kontijiet ta’ nfiq, u assistenza lill-foqra mogħtija minn Istituzzjonijiet Karitattivi f’Għawdex, bejn l-1859 u l-1947. Il-ħabs ta’ Għawdex kien jaqa’ taħt dan l-uffiċċju.
CP • Ċirkularijiet u Posters 1814+
Dan jikkonsisti f’kollezzjoni ta’ manifesti, ċirkularijiet u posters storiċi; l-eqdem hu wieħed tal-1814.
CR • Kollezzjoni Cremona 1873 – 1942
Dan il-fond inħoloq grazzi għal donazzjoni ta’ Maria Mifsud-Bonnici, mart l-eks-Prim Imħallef Giuseppe Mifsud-Bonnici. Fih 71 volum ta’ nannuha u missierha.
DF • Dokumentarji u Filmati 1988+
Din l-enti tikkonsisti f’kollezzjoni ta’ dokumentarji dwar Għawdex li xxandru fuq it-televiżjoni lokali mill-1988 ’l hawn. Dawn inxtraw mill-Ministeru għal Għawdex u ngħataw bħala donazzjoni lill-Arkivju.
GB • Malta Government Savings Bank 1853 – 1978
Ir-reġistri li kellu s-Savings Bank hu magħmul minn reġistri tad-depożiti, irċevuti u pagamenti, reġistri mill-1853 sal-għeluq tal-bank fl-1978, u dokumenti oħra bankarji.
GL • Fanal tal-Ġurdan 1877 – 1981
Ir-reġistri mill-Fanal tal-Ġurdan, fil-limiti tal-Għasri, Għawdex, jikkonsistu f’kollezzjoni ta’ log-books u dokumentazzjoni varja dwar it-temp bejn l-1877 u l-1981.
GM • Ġuljana Masini 1554 – 1934
Il-Ġuljana Masini – ġabra ta’ 88 manuskritt f’volumi ta’ kemm-il daqs – għandha rreġistrati fiha t-twelidijiet, iż-żwiġijiet u l-imwiet kollha li seħħu f’Għawdex bejn l-1554 u l-1930. Tiġbor ukoll fiha l-ismijiet tal-Għawdxin li twieldu Malta u, f’ċerti każi, anki barra minn Malta. Is-sorsi għal din l-informazzjoni kollha huma r-reġistri parrokkjali. Kien fl-1554 li l-Matriċi, illum il-Katidral ta’ Għawdex, bdiet tirreġistra dan it-tagħrif. Il-Ġuljana nkisbet minn Francesco Masini LLD (1894-1962) mingħand il-werrieta ta’ Pietru Attard (1836-1916), magħruf bħala Tal-Ispettur, li min-naħa tiegħu kien wiritha mingħand missieru n-Nutar Felice Attard (1802-1874), li kien dak li oriġinarjament ġabar din il-Ġuljana. Pietru Attard kompla jiġborha, u persuna jew persuni mhux magħrufa komplew xogħlu wara mewtu.
Għal katalgu sħiħ, agħfas hawn.
HI • Sptarijiet u Istituzzjonijiet oħra 1841+
Din it-taqsima tiġbor fiha dokumentazzjoni ta’ istituzzjonijiet tas-saħħa f’Għawdex, fosthom l-isptarijiet ta’ Għawdex u l-kliniċi tal-Gvern fiż-Żebbuġ, in-Nadur, Għajnsielem, u l-Qala mill-1841 ’il quddiem. Id-dokumentazzjoni hi ta’ siwi għal studju fuq l-inċidenza tal-mard f’Għawdex.
IR • Taxxi Interni 1903+
Id-depożitu tat-Taxxi Interni jiġbor fih reġistri marbuta ma’ denunzji u taxxi tas-suċċessjoni mill-1903 ’il quddiem, ċirkularijiet, taxxi fuq id-divertiment, trasferiment ta’ vetturi u oħrajn.
LC • Kunsilli Lokali 1993+
Din hi kollezzjoni dejjem tikber tal-minuti tal-erbatax-il Kunsill Lokali u tat-tliet Kumitati Amministrattivi tal-gżira ta’ Għawdex mit-twaqqif tagħhom fl-1993 sal-lum.
MG • Ministeru għal Għawdex 1987+
Il-Ministeru għal Għawdex beda jiffunzjona fl-14 ta’ Mejju 1987. L-ewwel depożiti mill-Ministeru għal Għawdex fihom ġabra ta’ mistoqsijiet parlamentari marbuta ma’ Għawdex u stqarrijiet għall-istampa. Din l-enti mistennija tkompli tikber fis-snin li ġejjin.
MH • Dipartiment tal-Mediċina u s-Saħħa 1875 – 1970
Id-depożiti tad-Dipartiment tal-Mediċina u s-Saħħa jinkludu kollezzjoni importanti ta’ pjanti tal-bini u permessi maħruġa f’Għawdex minn madwar l-1875 sal-1970. Ta’ min jinnota li wara din id-data d-dipartiment ma baqax responsabbli għal dan ix-xogħol, li waqa’ f’idejn il-PAPB, il-Planning Area Permits Board sa Novembru 1992, meta kollox għadda taħt ir-responsabbiltà tal-MEPA, l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar.
MP • Monte di Pietà 1817 – 1979
Il-Monte di Pietà f’Għawdex twaqqaf fl-1805. Id-dokumenti, li jibdew fl-1817, jikkonsistu f’kontijiet ġenerali, irhna, u kapparri mifdija, irċevuti tal-irhna, u kotba tal-ittri.
PA • Ritratti u Albums 1945+
Din hi kollezzjoni imprezzabbli ta’ ritratti qodma u oħrajn riċenti ta’ Għawdex, fosthom dawk ta’ okkażjonijiet uffiċjali u speċjali. Hemm ukoll għadd ta’ albums oħra b’taħlita ta’ ritratti. Il-pubbliku jista’ jordna kopji ta’ dawn ir-ritratti għall-użu personali.
PD • Dipartimenti tal-Pulizija 1889+
Din hi kollezzjoni importanti ħafna ta’ dokumenti li oriġinaw mid-dipartiment tal-pulizija f’Għawdex. Hemm kollezzjoni kważi sħiħa ta’ ġrajjiet ta’ kuljum fil-gżira bejn l-1889 u l-1960, atti tat-twelid u l-mewt, u dettalji ta’ kotba bid-dmirijiet li kellha l-pulizija tal-kosta.
PM • Pjanti u Mapep 1860+
Din hi kollezzjoni ta’ mapep u pjanti kbar tal-binjiet uffiċjali ta’ Għawdex mill-1860 ’il quddiem. Hi kollezzjoni ċkejkna ħafna billi l-maġġoranza tal-pjanti baqgħu ma nstabux fejn suppost kienu fid-Dipartiment konċernat.
PO • Uffiċċju tal-Passaporti 1988+
Dan il-fond fih l-applikazzjonijiet għal passaporti pproċessati f’Għawdex sa mill-ftuħ tal-Uffiċċju tal-Passaporti f’Għawdex f’Mejju 1988. Tinkludi mat-18,000 ritratt ta’ persuni li applikaw għal passaport f’Għawdex.
PW • Xogħlijiet Pubbliċi 1840+
Din hi kollezzjoni sporadika ħafna ta’ dokumenti minn dan id-dipartiment. Fiha reġistri tal-infiq, korrispondenza u reġistri oħra tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi f’Għawdex. L-eqdem dokumentazzjoni tmur lura għall-1840, imma l-parti l-kbira tad-dokumenti ntilfet minħabba li nżammu f’postijiet inadegwati.
SG • Segretarjat tal-Gvern 1803+
Is-Segretarjat tal-Gvern għal Għawdex, magħruf b’diversi ismijiet, hu l-kontinwazzjoni tal-Universitas l-antika. Bir-riformi li l-Ingliżi introduċew fl-amministrazzjoni fl-1819, it-tmexxija pubblika ta’ Għawdex għaddiet minn idejn l-Universitas għal għand uffiċċjal ċivili minn dakinhar magħruf b’diversi ismijiet oħra: Chief Civil Officer, Lieutenant Governor, Kummissarju, u Segretarju għal Għawdex. Id-dokumenti minn dan l-uffiċċju jinkludu: ittri, kemm li daħlu u kemm li ħarġu, ċirkularijiet uffiċjali ta’ natura varja maħruġa mill-Gvernatur, il-Lieutenant Governor u ċ-Chief Secretary; kotba ta’ riferenza li, bħall-Bastardelle qabilhom, fihom noti u minuti fuq l-amministrazzjoni ta’ kuljum; kotba tal-irċivuti, parti minnhom kontinwazzjoni ta’ dawk li qabel kienu l-Conti Originali; listi tal-pagi tal-impjegati Għawdxin tal-Gvern; u kontijiet tal-ispejjeż u korrispondenza ta’ diversi entijiet governattivi.
SN • Ismijiet tat-Toroq 1951+
Din hi ġabra ta’ dokumenti tal-Kumitat tal-Ismijiet tat-Toroq ta’ Għawdex mis-snin sebgħin ’il quddiem; inklużi l-minuti u l-korrispondenza.
SS • Skejjel tal-Gvern 1845+
Din hi sezzjoni oħra importanti, b’dokumenti li jibdew fl-1845 miġbura minn skejjel tal-Gvern f’Għawdex, kemm primarji u kemm sekondarji. Id-dokumentazzjoni tinkludi log-books u reġistri tad-dħul u l-attendenza.
ST • Statistika 1667+
Din hi kollezzjoni mhux sħiħa ta’ ċensimenti (inklużi kopji) mill-1667 ’l hawn u blue books.
UG • Universitas Gaudisii 1560 – 1819
L-Universitas Gaudisii twaqqfet qrib l-1350 bħala korporazzjoni biex tiddefendi l-interessi lokali. Nafu x’kienet l-attività ta’ diversi forom tal-Universitas ta’ Għawdex mis-seklu erbatax ’il quddiem minn sorsi barranin, billi ma teżisti l-ebda dokumentazzjoni f’Għawdex qabel nofs is-seklu sittax. Jingħad li l-eqdem dokumentazzjoni ntilfet fl-1551. F’Lulju ta’ dik is-sena l-gżira ġiet attakkata mit-Torok, il-popolazzjoni kollha ttieħdet fil-jasar u probabbilment id-dokumentazzjoni uffiċjali nsterqet jew inħarqet.
L-eqdem dokumenti li nstabu f’Għawdex immorru lura għas-seklu 1560 u huma miżmuma fl-aktar sezzjoni importanti tal-Universitas:
• Actorum et Negotiorum, atti u transazzjonijiet ta’ kull għamla u tip;
• Bastardelle, noti u minuti ta’ uffiċċjali eventwalment maħduma f’dokumenti sħaħ;
• Lettere, korrispondenza uffiċjali;
• Bandi, avviżi legali pubbliċi;
• Mandati, avviżi u digrieti oħra;
• Suppliche, petizzjonijiet imressqa quddiem il-Gvernatur;
• Conti Originali, kontijiet tal-amministrazzjoni ta’ diversi uffiċċji;
• Contratti, kuntratti uffiċjali;
• Debitori, transazzjonijiet ta’ flus;
• Mete, bejgħ ta’ diversi għamliet;
• Secretie, taxxi u kontijiet ta’ kera tal-art;
• Scisa, assessar tas-sisa u d-dazju u dokumentazzjoni oħra varja.
ZM • Mixxellanja 1575+
Din is-sezzjoni tiġbor fiha diversi reġistri u kollezzjonijiet. It-tieni taqsima tagħha hi kollezzjoni importanti ta’ dokumenti oriġinali u kopji ta’ dokumenti relatati mal-okkupazzjoni Franċiża ta’ Għawdex fl-1798. It-tielet taqsima hi kollezzjoni ta’ dokumenti magħrufa bħala l-Grima Papers – għall-awtur tagħhom l-avukat Giuseppe Grima – miġbura mill-Qrati tal-Liġi, Għawdex.