Navigate Up
Sign In

Tibda s-sena akkademika għall-Università tat-Tielet Età f’Għawdex

Reference Number: PR182324, Press Release Issue Date: Oct 29, 2018
 
Tibda s-sena akkademika għall-Università tat-Tielet Età f’Għawdex

“Il-Ministeru għal Għawdex jappoġġja bis-sħiħ il-kunċett ta’ anzjanità attiva li rridu narawh jissaħħaħ f’Għawdex ukoll.” Dan qalitu l-Ministru Justyne Caruana waqt il-ftuħ tas-sena akkademika ġdida għall-Università tat-Tielet Età. 

L-Università tat-Tielet Età f’Għawdex, li hi allokata fil-binja li l-Università ta’ Malta għandha fix-Xewkija, iżżomm għadd ta’ laqgħat li jibdew minn Ottubru u jibqgħu għaddejjin sa Ġunju. Tul dawn il-laqgħat, kull min jattendi, jassisti għal għażla vasta ta’ temi u suġġetti li jvarjaw minn informazzjoni fuq aspetti mediċi, letterarji, storja u anke informazzjoni ġeografika. 

Il-Ministru Caruana qalet li dan il-kunċett tal-Università tat-Tielet Età jista’ jespandi aktar u jiġi msaħħaħ billi jiġu introdotti servizzi u klassijiet ġodda, u dan bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Università ta’ Malta. 
“Permezz ta’ dawn il-laqgħat, l-anzjani tagħna mhux biss qed jingħataw informazzjoni akkademika utli iżda qed ikun attivi għax jiltaqgħu ma’ xulxin, jissoċjalizzaw u jaqsmu bejniethom esperjenzi varji. Huwa mezz li bih l-anzjani joħorġu mid-dar u jipparteċipaw bl-iktar mod sħiħ fis-soċjetà tagħna,” kompliet il-Ministru għal Għawdex. 

Il-Ministru Caruana għalqet billi tenniet li l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex hu dak li joffri l-aħjar esperjenza lill-anzjani li waslu f’ din il-fażi ta’ ħajjithom. 

Min-naħa tiegħu, il-Professur Marvin Formosa, Kap tad-Dipartiment tal-Ġerenentoloġija u Direttur tal-Università tat-Tielet Età ħeġġeġ biex aktar anzjani jieħdu vantaġġ minn din l-inizjattiva li hi għodda utli sabiex iżommu ruħhom attivi. Il-Professur Formosa rringrazja lill-Ministeru għal Għawdex tal-appoġġ kontinwu f’dan il-qasam.