Navigate Up
Sign In

Festival b’differenza f’Għawdex – Kite & Wind Festival

Reference Number: PR182196, Press Release Issue Date: Oct 11, 2018
 
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet l-ewwel edizzjoni tal-Kite & Wind Festival li se jsir bejn il-Ġimgħa 19 ta’ Ottubru u l-Ħadd 21 ta’ Ottubru ħdejn il-kappella ta’ San Dimitri fil-limiti tal-Għarb f’Għawdex.
 
Il-Ministru Caruana qalet li l-Ministeru hu impenjat li jkompli jinvesti f’attivitajiet kulturali biex il-gzira Għawdxija tkun destinazzjoni distinta matul is-sena kollha. Caruana qalet li dan huwa festival uniku għall-gżejjer Maltin fejn se tkun ta’ esperjenza għad-dilettanti tat-tajra fejn din kienet tradizzjoni rinomata ħafna ġewwa Għawdex, imma biż-żmien din it-tradizzjoni ntilfet. Il-Ministru qalet li tixtieq tara din it-tradizzjoni terġa’ tqum fl-ispirtu tagħha fost iż-żgħar tagħna.
 
Din it-tradizzjoni se tgħaqqad diversi pajjiżi u kulturi, dan għaliex se jiġu madwar ħmistax-il delegazzjoni minn pajjiżi u reġjuni differenti li se jiġu Għawdex bl-għan li jipparteċipaw f’dan l-avveniment biex jagħtu spettaklu u taħriġ. Għal dan l-avviniment se jkun hemm diversi attivitajiet abbinati ma’ din it-tradizzjoni u kif ukoll se jingħata riljev lill-lokalità tal-Għarb bil-prodotti tipiċi u tradizzjonijiet marbuta miegħu.
 
Il-Ministru Caruana kkonkludiet li huwa impenn tal-Ministeru illi jabbina l-lokalitajiet ma’ dawn l-avvenimenti, u fl-istess waqt ikun qed jagħti promozzjoni lil Għawdex f’diversi lokalitajiet.
 
Is-sindku tal-Għarb David Apap Aguis irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex li jemmen f’din l-inizzjattiva ġdida. Hu qal li bħala kunsill lokali hu impenjat biex jattira aktar turiżmu lejn il-gżira Għawdxija u jkompli jgħolli l-isem tal-lokalità tal-Għarb. Is-sindku Apap Agius għamel stieden lil kulħadd biex jattendi għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ arti, kultura, u kuluri.
 
Id-dħul huwa b’xejn; iktar informazzjoni dwar il-programm tista’ tinkiseb mis-sit www.visitgozo.com