Navigate Up
Sign In

Imfakkar il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali f’Għawdex

Reference Number: PR182179, Press Release Issue Date: Oct 10, 2018
 
L-10 ta’ Ottubru huwa l-Jum Internazzjonali ddedikat għas-Saħħa Mentali. It-tema magħżula għal din is-sena hija dik ta’ ‘Break the Silence’. 

B’rabta ma’ dan il-jum, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, b’kollaborazzjoni ma’ Dr John Cachia, Kummissarju  għas-Saħħa Mentali, żaru l-iskola primarja tal-Konservatorju tal-Isqof kif ukoll il-kumpless tal-MCAST f’Għawdex bl-għan li jkompli jikber l-għarfien fuq dan is-suġġett.

Filwaqt li rringrazzjat lil kull min ta sehmu biex jiġu organizzati dawn l-attivitajiet, Caruana qalet li t-tema magħżula għal din is-sena hi waħda qawwija u ta’ min jirrifletti sew fuqha. Il-Ministru għal Għawdex qalet li fejn tidhol is-saħħa, inkluża is-saħħa mentali, irridu nkunu iktar protattivi u nqisu l-bżonnijiet tal-etajiet kollha. Dan ukoll fil-kuntest ta’ ħafna każijiet ta’ saħħa mentali fost iż-żgħażagħ, adoloxxenti u tfal li qed narawhom jiżdiedu. Dan iffisser li rridu niffukaw fuq dawn l-etajiet b’mod partikolari ħalli nrawwmu ħiliet u reżiljenza biex nagħrfu nidentifikaw il-problema u nħeġġu lil min ikun għaddej minn mumenti diffiċli biex jikseb l-għajnuna.

Caruana ħeġġet lill-istudenti biex ma jiddejqux jirrikorru għas-servizzi professjonali iżda wkoll appellat għal iktar inklużjoni u soċjetà iktar miftuħa li taċċetta kundizzjonijiet differenti, u fuq kollox biex inkunu dejjem lesti nifhmu u niggwidaw lil min ikun għaddej minn problema.