Navigate Up
Sign In

‘I love ix-Xlendi’- festival għal kulħadd

Reference Number: PR181551, Press Release Issue Date: Jul 10, 2018
 
‘I love ix-Xlendi’- festival għal kulħadd

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet l-inizjattiva I love ix-Xlendi mtellgħa mill-Kunsill Lokali tal-Munxar bis-sostenn finanzjarju u bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex. I love ix-Xlendi tikkonsisti f’għadd ta’ attivitajiet fil-bajja pittoreska tax-Xlendi kull tmiem il-ġimgħa matul is-sajf fejn jispikka t-talent lokali.
 
Il-Ministru Justyne Caruana enfasizzat l-importanza ta’ attivitajiet popolari bħal dawn fejn minbarra li jgawdi l-ġmiel naturali tax-Xlendi, wieħed jista’ wkoll jirrikrea ruħu u jgawdi minn spettaklu varjat. Justyne Caruana qalet li din l-inizjattiva timxi pari passu mal-festivals ta’ kull ġimgħa li tħabbru fl-Imġarr u f’Marsalforn. Il-Ministru spjegat li l-programm I love ix-Xlendi hu mimli u varjat u se jsir kull ġimgħa bejn l-14 ta’ Lulju u l-15 ta’ Settembru.
 
Il-Ministru tkellmet dwar l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex biex iż-żoni turistiċi fil-gżira jinżammu fl-aħjar stat possibbli minkejja d-diversi sfidi sinonimi ma’ dawn il-lokalitajiet. Bħalma ġara s-sena li għaddiet fix-Xlendi u f’Marsalforn, apparti servizzi relatati mat-tindif li jsiru kuljum se jsir ukoll ġbir ieħor ta’ skart fil-borża s-sewda ta’ kull filgħaxija.
 
Is-Sindku tal-Munxar Sonia Abela rringrazzjat lill-Ministru għall-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex f’din l-inizjattiva. Irreferiet għall-appoġġ li jsib il-Kunsill b’servizzi mill-Ministeru fosthom is-servizz tal-beach cleaners, ħaddiema tal-manutenzjoni, tindif ta’ toroq u aktar u aktar din iż-żieda tas-servizz tal-ġbir tal-iskart filgħaxija meta x-Xlendi jesperjenza żieda qawwija fir-residenzi li jagħżlu l-lokalità għall-btajjel tas-sajf.
 
Il-Ministru Justyne Caruana awgurat li l-Għawdxin, il-Maltin u t-turisti japprezzaw din l-inizjattiva u jabbinaw il-ġmiel naturali u l-faċilitajiet turistiċi tax-Xlendi mal-esperjenza kultural li l-programm sajfi jista’ joffri.