Navigate Up
Sign In

Iċċelebrat Jum Għawdex

Reference Number: PR192302, Press Release Issue Date: Oct 28, 2019
 
 Iċċelebrat Jum Għawdex​


Nhar it-Tnejn 28 ta’ Ottubru 2019, fir-Rabat Għawdex saret ċelebrazzjoni kommemorattiva fil-Katidral tal-Assunta u fil-Ministeru għal Għawdex fir-Rabat Għawdex fejn ġiet iċċelebrata quddiesa mil-Isqof uxxenti Mario Grech b’tifkira ta’ Jum Għawdex. 

Għal perjodu bejn l-1798 sal-1801, Għawdex kien meqjus bħala stat indipendenti wara l-imblokk li sar immexxi mill-Arċipriet Saver Cassar kontra l-ħakma Franċiża. F’Għawdex dan il-jum baqa’ jiġi ċċelebrat bħala turija ta’ rispett lejn il-qlubija li wera l-poplu Għawdxi tul dan iż-żmien diffiċli u anke tal-bravura li kellu meta mexxa lil Għawdex tul dawn is-sentejn. 

Għal din il-ġurnata kommemorattiva, attenda il-President George Vella, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, rappreżentanti mir-Reġjun t’Għawdex u miċ-Circolo Gozitano kif ukoll il-maġġoranza tas-sindki Għawdxin. Wara l-quddiesa sar it-tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument bust tal-Arċipriet Saver fil-Ministeru għal Għawdex bil-preżenza distinta tal-President.

Bħala parti miċ-ċerimonja ta’ Jum Għawdex, saret prassi li jingħata wkoll Ġieħ Għawdex, b’turija ta’ apprezzament lill-persuni li taw kontribut lill-Għawdex tul ħajjithom f’ġeneri u f’setturi differenti tal-ħajja. Din is-sena l-premju ta’ Ġieħ Għawdex ingħataw lis-Sur Michael Grech, li serva u għadu jservi fis-settur finanzjaru filwaqt li kien attiv ukoll fil-qasam soċjali permezz tal-invovliment tiegħu fil-Victoria Scout Group u l-għajnuna imprezzabbli li ta fil-Community Chest Fund. Is-Sur Charles Bezzina ukoll ingħata Ġieħ Għawdex. Is-Sur Bezzina huwa magħruf fis-settur tar-riċerka u l-istorja, b’mod partikolari dwar Għawdex u ddedika ħafna ħin u enerġija sabiex Għawdex tassew ikollu storja dokumentata u aġġornata.

F’diskors kommemmorattiv, il-Ministru għal Għawdex tkellmet dwar l-importanza li nibqgħu niċċelebraw Jum Għawdex minħabba diversi raġunijiet, l-akbar fosthom l-identità tagħna bħala Għawdxin. “Il-wirt kulturali, naturali u soċjali huwa dak li jagħmilna min aħna, poplu mogħni bil-ġenerożità u bis-solidarjetà,’” qalet il-Ministru Caruana waqt l-indirizz tagħha. Hija qalet li bħala Ministru fit-tmun tal-politika favur Għawdex, mill-bidu nett għarfet li dak li jsir għat-tajjeb u għall-iżvilupp ta’ Għawdex illum ser jimpatta b’mod kbir lill-Għawdex ta’ għada. B’hekk għandna nkunu konxji u grati lejn il-ħidma passata ta’ missirijietna, nirsistu għal żvilupp ekonomiku fil-preżent biex ikollna futur li jixraq għal uliedna u ulied uliedna f’Għawdex ta’ għada. Il-Ministru Caruana kkonkludiet billi irringrazzjat lill-uffiċjali tad-Direttorat tal-Kultura u Patrimonju fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex flimkien mar-Reġjun t’Għawdex u ċ-Circolo Gozitano li għall-ewwel darba ngħaqdu flimkien u organizzaw din il-ġurnata tant importanti flimkien. Kien ta’ sodisfazzjon li kulħadd għaqqad il-forzi tiegħu flimkien biex tittella’ din il-ġurnata kommemorattiva. 

Il-President ta’ Malta, George Vella faħħar l-inizjattiva li ta’ kull sena tfakkar il-qlubija Għawdxija u r-reżiljenza ta’ poplu li sal-llum, għadu juri determinazzjoni li jasal bil-ħidma tal-għaraq ta’ ġbinu. Huwa għaraf kif il-ħidma tal-Arċipriet Saver Cassar sarfet f’futur li jixraq lill-kompatrijotti Għawdxin għall-futur li jixirqilhom. Fil-kuntest preżenti, il-President qal kif illum Għawdex jaffaċċja sfidi differenti ħafna minn dawk ta’ żmien Saver Cassar iżda li għalihom Għawdex u l-Għawdxin jidħlu b’konvinzjoni u b’determinazzjoni. Huwa faħħar l-impenn tal-Ministeru u anke tar-Reġjun t’Għawdex f’dak li għandu x’jaqsam mal-promozzjoni ta’ Għawdex bħala reġjun bil-ħtiġijiet partikolari tiegħu, diversi minn dawk ta’ Malta.

Waqt iċ-ċerimonja indirizzaw lil dawk preżenti wkoll l-Ambaxxatur tal-UNESCO u ċ-Chairman tal-Kumitat Festi Nazzjonali u Reġjonali għal Għawdex Mons. Dr Joe Vella Gauci, il-President tar-Reġjun t’Għawdex, Dr. Samuel Azzopardi kif ukoll il-President taċ-Circolo Gozitano Dr Alfred Grech.