Navigate Up
Sign In

L-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta biex l-Awtorità tiftaħ uffiċċju f’Għawdex

Reference Number: PR192525, Press Release Issue Date: Nov 23, 2019
 
L-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta biex l-Awtorità tiftaħ uffiċċju f’Għawdex

 
L-impjegati ta’ Għawdex se jkunu qed iwettqu parti mid-dmirijiet tagħhom f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri ppresedew fuq l-iffirmar ta’ ftehim li se jwitti t-triq għall-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta biex twaqqaf uffiċċju f’Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dan il-ftehim tal-lum bejn il-Ministeru u l-Awtorità qed jikkonferma l-ħidma kontinwa li għaddejja biex aktar ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta jiġu jaħdmu f’Għawdex stess. Il-Ministru Caruana sostniet li dan il-gvern huwa konxju mill-isfidi u l-inkonvenjenti li għandhom il-ħaddiema Għawdxin li ta’ kuljum iridu jmorru Malta għax-xogħol, u għalhekk il-Ministeru għal Għawdex mhux biss joffri assistenza finanzjarja biex itaffi l-piż, imma qed jintlaħqu diversi ftehim ma’ diversi entitajiet biex jinfetħu iktar uffiċini f’Għawdex u jinħoloq iktar xogħol kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat.

“Bl-interventi kontinwi u konvinċenti tal-Ministeru tagħna ma’ bosta ministeri, dipartimenti, aġenziji u entitajiet oħra nazzjonali, qed jirnexxielna nistabbilixxu impjiegi f’Għawdex għal ħafna impjegati fis-settur pubbliku li sal-lum bilfors ikollhom imorru Malta, u sal-lum ħloqna madwar 60 impjieg ġdid fis-settur pubbliku,” qalet il-Ministru Caruana. 

Dan l-uffiċċju jfisser ukoll iktar servizzi f’Għawdex speċjalment f’kuntest meta qed nippromwovu lil Għawdex bħala destinazzjoni għall-invesitment u li allura apparti t-tisħiħ tal-konnettività, l-investiment fl-infrastruttura u l-kapital, u r-riżors uman huwa kruċjali li f’Għawdex ikollna wkoll is-servizzi relatati.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri qal li fid-dawl tal-introduzzjoni ta’ diversi miżuri favur il-familja u t-tisħiħ tal-pagi għal min iħaddem fi ħdan l-Awtorità, kien hemm il-ħtieġa li jiġu identifikati modi li jagħmluha possibbli għal min iħaddem li jaħdem minn Għawdex biex jiggwadanjaw ħin prezzjuż.

“L-iffirmar ta’ dan il-ftehim huwa sinjal ċar tal-impenn ta’ dan il-gvern li ħadd ma jitħalla barra u jiġi żgurat li jissaħħu l-ħiliet eżistenti b’mod parallel mat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż tagħna. Bħala parti mill-viżjoni 2021 tal-MFSA, dalwaqt se nibdew bl-Akkademja għas-Superviżuri Finanzjarji biex jingħataw it-taħriġ meħtieġ filwaqt li għaddejjin diskussjonijiet fuq l-implimentazzjoni tal-iStudent Placement Programme biex tinkiseb esperjenza fis-settur finanzjarju kif ukoll biex tiġi segwita karriera f’industrija li mistennija tikber,” qal is-Segretarju Parlamentari Schembri.

Iċ-Chairman tal-MFSA, il-Professur John Mamo, qal li d-deċiżjoni tal-MFSA li jkollha uffiċċju f’Għawdex tirrifletti l-impenn tagħna biex l-MFSA ssir l-għażla ta’ impjieg ideali. “Filwaqt li r-rwol primarju tagħna huwa r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji, aħna nemmnu bis-sħiħ li sabiex inwettqu r-responsabbiltajiet tagħna, jeħtieġ li niksbu l-aqwa talent abbord,” qal Mamo.

Bħalissa, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji timpjega madwar 350 impjegat, li sebgħa minnhom huma Għawdxin li dalwaqt se jkunu qed iwettqu parti mid-dmirijiet tagħhom mill-uffiċċju f’sit identifikat fir-Rabat Għawdex fejn ix-xogħlijiet huma diġà għaddejjin.