Navigate Up
Sign In

It-tielet edizzjoni tal-festival ŻiguŻajg f’Għawdex

Reference Number: PR192464, Press Release Issue Date: Nov 15, 2019
 
 It-tielet edizzjoni tal-festival ŻiguŻajg f’Għawdex

ŻiguŻajg, il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, qed jerġa’ jsir f’Għawdex grazzi għall-Fondazzjoni Kreattività bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li dan il-festival tant popolari qed ikompli jikber f’Għawdex ukoll. Hija għarfet l-importanza ta’ festivals bħal dawn, li jkomplu jressqu t-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin lejn l-arti u l-kreattività, bil-għan li jkompli jitrawwem fihom sens ta’ apprezzament kulturali li tant huwa b’saħħtu f’Għawdex, u dan grazzi għall-impenn b’saħħtu li qed jieħu l-istess Ministeru.

“Dan hu festival immirat għat-tfal u jikkumplimenta l-istrateġija tal-Ministeru għal Għawdex, għax mhux biss qed jistimola t-tfal tagħna, imma qed iwassal bosta messaġġi pożittivi, fosthom l-inklużjoni soċjali u l-multikulturaliżmu, kif ukoll inressqu d-diversi aspetti kuturali qrib it-tfal,” qalet il-Ministru Caruana. Il-Ministru għal Għawdex ikkonkludiet billi awgurat li l-festival ŻiguŻajg ikompli jikber f’Għawdex wara l-esperjenzi pożittivi li kellna tul dawn l-aħħar tliet snin. 

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Festival fi ħdan Fondazzjoni Kreattività Daniel Azzopardi ta d-dettalji tal-programm ŻiguŻajg f’Għawdex, li jinvolvi sessjonijiet ta’ arti mal-artist Alessio de Girolamo, kif ukoll produzzjoni teatrali b’mużika minn The New Victorians u pupazzi ta’ Matthew Pandolfino. Is-Sur Azzopardi sostna l-impenn tal-festival hu li jkompli jressaq l-arti u l-kultura eqreb lejn il-komunitajiet, u b’hekk iqajjem għarfien dwar ix-xogħol artistiku, kemm lokali, kif ukoll internazzjonali.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.ziguzajg.org jew iċempel fuq 21223200.