Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX

Reference Number: PR192445, Press Release Issue Date: Nov 13, 2019
 
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX

"Dak li ġara lbieraħ mhux każ iżolat u mhux l-ewwel u lanqas l-aħħar darba li seħħ, iżda l-ewwel darba li l-gvern aġixxa fl-interess ta' dawk kollha li, minħabba ċirkostanzi naturali, nqabbdu Malta jew Għawdex. Għalkemm konna pronti naġixxu, issa rridu nħejju pjan ta' kontinġenza li jkun lest biex jiskatta f'ċirkostanzi simili. Għalhekk, ser tibda diskussjoni interministerjali biex jiġi fformulat dan il-pjan," qalet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.

Il-Ministru Caruana uriet l-apprezzament tagħha lill-ħaddiema kollha fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, lill-membri tal-Pulizija, lil tal-Protezzjoni Ċivili, lill-Forzi Armati ta' Malta u lill-ELC, għall-ħidma u l-impenn li qed juru biex jiżguraw li f'Għawdex jitneħħa l-periklu fit-toroq b'konsegwenza tal-maltemp li ħakem il-gżejjer Maltin. 

Hi rringrazzjat ukoll lill-ħaddiema tal-Gozo Channel li, għalkemm l-elementi jkunu qawwija, xorta waħda qed juru impenn u lealtà lejn il-kumpanija, tant hu hekk li s-servizz tal-vapur bejn il-gżejjer jibqa' jopera sakemm ikun possibbli.

Il-Ministru Justyne Caruana tixtieq tirringrazzja ukoll lis-sidien tal-lukandi fit-tramuntana ta' Malta, li kkollaboraw bis-sħiħ biex dawk l-Għawdxin li xtaqu kenn għal matul il-lejl ingħatalhom b'rati preferenzjali, kif ukoll lill-komunità tal-Ġeżwiti f'Għawdex li offrew kenn lil dawk il-Maltin li inqabdu Għawdex.

Il-Ministru Caruana tixtieq tavża li qed jiġi mfassal mekkaniżmu biex il-ħaddiema Għawdxin li raqdu f'xi lukanda jew f'guest house ipproponuti mill-Ministeru għal Għawdex, jingħataw kumpens għall-ispejjeż konnessi mal-akkomodazzjoni. Iktar informazzjoni tista' tinkiseb minn fuq is-sit mgoz.gov.mt​ jew mill-mobile app MyGozo.