Navigate Up
Sign In

Imħabbar il-programm tal-‘Milied f’Għawdex’

Reference Number: PR192422, Press Release Issue Date: Nov 11, 2019
 
Imħabbar il-programm tal-‘Milied f’Għawdex’

Il fuq minn 100 attività u attrazzjoni mifruxa madwar Għawdex
 
 
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret il-programm tal-festi tal-Milied, li se jiġu organizzati f’Għawdex bejn is-Sibt, 30 ta’ Novembru u l-Ħadd, 5 ta’ Jannar 2020.
 
Din hi s-sitt sena li l-Ministeru għal Għawdex qed ifassal programm imżewwaq speċifikament għall-festi tal-Milied f’Għawdex. “Din is-sena l-programm ‘Milied f’Għawdex’ huwa programm iktar ambizzjuż mis-snin ta’ qabel, u li tant hu varjat li żgur li ser jolqot il-gosti ta’ kulħadd,” qalet il-Ministru għal Għawdex.
 
Il-Ministru Caruana qalet li f’dan il-programm, apparti li hemm inklużi l-attivitajiet tradizzjonali li aħna imdorrija bihom, permezz tal-għajnuna diretta mill-Ministeru għal Għawdex ser nintroduċu attrazzjonijiet oħra, grazzi għall-involviment ta’ diversi għaqdiet volontarji madwar Ghawdex kollu.
 
Il-Ministru Caruana spjegat kif, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, hemm tim apposta li jaħdem biex ifassal dan il-programm, bl-involviment ta’ bosta għaqdiet, inkluż is-settur privat. “Dan hu programm imsawwar fuq it-tradizzjonijiet u l-valuri veri u awtentiċi tal-Milied”, qalet il-Ministru. Hi spejgat kif il-Ministeru kompla jibni fuq il-mod li jigi ċċelebrat il-Milied f’Għawdex, fejn il-familji tagħna żammew it-tradizzjonijiet, u li aħna rridu li jitgawdew minn kullħadd.  Il-Ministru Caruana saħqet li dan il-Milied, permezz ta’ dan il-programm, irid jagħti valur lil dak kollu li hu Għawdxi billi jispikkaw it-tradizzjonijiet, il-prodotti tipiċi lokali u t-talent kulturali kbir li għandna f’Għawdex.
 
Il-Ministru għal Għawdex irringrazzjat lil dawk kollha li taw l-appoġġ tagħhom għal din l-inizjattiva, u awgurat lil dawk kollha li se jkunu fostna esperjenza unika tal-Milied, fejn Għawdex se jerġa’ jkun il-post ideali għal dawn il-jiem ta’ ferħ.