Navigate Up
Sign In

Inawgurat il-Gozo Innovation Hub fiż-żona industrijali tax-Xewkija

Reference Number: PR192404, Press Release Issue Date: Nov 07, 2019
 
Inawgurat il-Gozo Innovation Hub fiż-żona industrijali tax-Xewkija

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar u mill-Ministru għall-Għawdex, inawgura l-Gozo Innovation Hub b’investiment ta’ €9 miljun mill-Malta Industrial Parks u ko-finanzjat mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali. 

Dan iċ-ċentru ta’ negozju ta’ 9,000 metru kwadru se jservi bħala destinazzjoni prestiġjuża għal dawk in-negozji innovattivi u diġitali li jaħdmu fuq l-intelliġenza artifiċjali, cybersecurity, blockchain u internet of things. Il-Gozo Innovation Hub se jkun qed joħloq madwar 120 impjieg ġdid f’Għawdex.

Il-Prim Ministru faħħar dan il-proġett u qal li, “Qed nassoċjaw lil Għawdex, li dejjem kien meqjus bħala l-parti mill-gżejjer tagħna għal xogħol back office, mal-innovazzjoni. Ma’ attivitajiet ekonomiċi li huma high-value-added – impjiegi li jħallsu tajjeb u li jtejbu l-livell ta’ għajxien kemm ta’ min jaħdem  f’Għawdex u anke ta’ min jgħix f’Għawdex.”

Il-Ministru għall-Ekonomija qal li dan il-proġett hu parti mill-impenn tal-gvern biex inrawmu l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività ta’ Għawdex. “Dan l-investiment, flimkien mat-twaqqif tat-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex, huma simboli importanti ħafna tal-bidla ekonomika li qed isseħħ f’Għawdex,” saħaq il-Ministru Cardona.  

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dan il-proġett hu xhieda tad-determinazzjoni ta’ dan il-gvern li jixpruna ’l quddiem l-ekonomija ta’ gżiritna, jiddiversifika l-prodott ekonomiku tagħna u jagħtina l-għodda neċessarja biex negħlbu l-isfidi partikulari ta’ Għawdex, gżira-reġjun fil-periferija tal-Unjoni Ewropea.

“Dan il-hub se jgħin lilna l-Għawdxin biex noħolqu soluzzjonijiet tanġibbli li bihom inkunu nistgħu naħdmu u noħolqu xogħol ta’ kwalità f‘Għawdex għall-Għawdxin filwaqt li nkomplu nikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna. Hu biss permezz tal-innovazzjoni li aħna nistgħu nimxu ’l quddiem”, qalet il-Ministru għal Għawdex. 

Il-Ministru Caruana qalet li Noovle, li huma premium partners ta’ Google, kif ukoll J2 Limited flimkien ma’ Microsoft, huma l-ewwel żewġ kumpaniji li ġew ikkonfermati biex joperaw minn dan is-sit. Iddikjarat li preżentament għaddejjin taħdidiet ma’ kumpaniji ta’ profil biex jiftħu l-uffiċini tagħhom f’Għawdex u b’hekk inkomplu nżidu l-opportunitajiet għall-ħaddiema Għawdxin.