Navigate Up
Sign In

Investiment fil-qasam tal-isport għat-tfal Għawdxin

Reference Number: PR192360, Press Release Issue Date: Nov 05, 2019
 
Investiment fil-qasam tal-isport għat-tfal Għawdxin

 
Tnieda staġun ieħor ta’ ‘Sports on The Move’ f’Għawdex, inizjattiva mill-Ministeru għal Għawdex.
 
Wara s-suċċess li kellu, kemm fl-edizzjoni tax-xitwa kif ukoll f’tas-sajf, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret edizzjoni ohra ta’  ‘Sports On The Move’ għat-tfal Għawdxin. L-edizzjoni tax-xitwa ta’ ‘Sports on the Move’ qed tara numru mdaqqas ta’ tfal ta’ kull eta’ li se jkunu qed jipprattikaw dixxiplini sportivi differenti matul il-ġimgħa fil-Kumpless Sportiv fir-Rabat Għawdex, taħt il-gwida tal-kowċis abbli u dedikati tal-Gozo Sports Board.
 
Waqt it-tnedija, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet kif din is-sena wkoll, bħala ministeru qed jerġa’, għal darb’oħra, jissussidja b’mod qawwi l-attivitajiet sportivi għat-tfal Għawdxin, li din is-sena jqarrbu mas-600 tifel u tifla fi 30 dixxiplina sportiva differenti, numru rekord għal ‘Sports On The Move’.  Il-Ministru għal Għawdex qalet li kulma jmur, ‘Sports on The Move’ qed ikun popolari ferm mal-ġenerazzjoni ż-żgħira, u din is-sena l-Ministeru ħass ukoll li din l-inizjattiva tintlaħaq ukoll minn aktar tfal, b’hekk saret introduzzjoni ta’ LSE’s waqt l-attivitajiet sportivi, biex aktar tfal jattendu u b’hekk indaħħlu sens ta’ inklużjoni wkoll.  
 
Il-Ministru għal Għawdex stqarret kif tul l-aħħar sena, il-ministeru mmexxi minnha kien ta’ xprun għall-isports lokali Għawdxi, speċjalment għal tfal ta’ etajiet żgħar.  Hija kompliet tgħid li l-investiment fit-tfal tagħna qed imur pari passu mal-investiment fil-faċilitajiet li l-ministeru qed jagħti kif ukoll ghajnuna u sostenn finanzjarju lill-għaqdiet sportivi biex jibqgħu jiffunzjonaw fil-kapaċità massima tagħhom u skemi ta’ għajnuna lill-atleti individwali.
 
Justyne Caruana kkonkludiet billi qalet li f’Għawdex l-isports mhux biss għandu potenzjal iżda qed nuru kif l-investiment li qed inpoġġu fit-tfal tagħna qed irendi suċċess għal din il-gżira tant żgħira.  Xhieda ta’ dan huma s-suċċessi kontinwi f’diversi dixxipplini sportivi li tant u tant Għadxin qed jiksbu, kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna.
 
Min-naħa tiegħu, is-Sur Alvin Grech, CEO tal-Gozo Sports Board qal li n-numri tat-tfal li kulma jmur dejjem jiżdiedu fl-inizjattivi tal-Gozo Sports Board huma l-prova ta’ kif l-isport f’Għawdex qed jikber b’mod ħaj u attiv, u fuq kollox, b’saħħtu meta kkumparat ma’ tfal oħra, Maltin u anke barranin. Is-Sur Grech irringrazzja lill-ministru li f’kull okkażjoni ta’ inizjattiva mill-Gozo Sports Board, dejjem kienet hemm sabiex tassisti kemm loġistikament u anke finanzjarjament. Huwa qal li permezz ta’ sussidji u inċentivi finanzjarji, il-Ministeru għal Għawdex ikun qed jinvesti b’mod sħiħ fit-tfal tagħna u grazzi għal dan, ikun qed iħejji triq prospettiva  ta’ suċċess għall-futur tal-atleti ż-żgħar tagħna. Huwa kkonkluda billi qal li l-Gozo Sports Board qed jikkonsidra li saħansitra jestendi l-ġranet tal-attivitajiet sportivi biex b’hekk dawn jiġu mtella’ kuljum mit-Tnejn sas-Sibt sabiex jakkomoda għad-domanda kbira għal din l-inizjattiva.