Navigate Up
Sign In

Tmiem il-ġimgħa mill-aqwa f'Għawdex

Reference Number: PR192353, Press Release Issue Date: Nov 04, 2019
 
Tmiem il-ġimgħa mill-aqwa f'Għawdex

 
Għawdex reġa' rreġistra tmiem il-ġimgħa mill-aqwa, hekk kif madwar 62,000 passiġġier qasmu l-fliegu biex jgħaddu tmiem il-ġimgħa fil-gżira tat-tlett għoljiet.

Il-kumpanija Gozo Channel, permezz tal-erbà vapuri li għandha, operat xejn inqas minn 290 vjaġġ fejn, għal xi ħin, il-vjaġġi bdew isiru mingħajr skeda biex tlaħħaq mad-domanda.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li kull ma jmur, u permezz tal-viżjoni li qed jimplimenta l-Ministeru immexxi minnha, Għawdex qed ikompli jattira lejh numru dejjem jikber ta' viżitaturi. Hi qalet li, b'kuntrast ma' snin preċedenti, fejn ix-xahar ta' Novembru kien ikkunsidrat bħala wieħed kwiet mill-komunità kummerċjali Għawdxija, jidher li dan ix-xahar ser ikun wieħed tajjeb ukoll, u dan grazzi għan-numru ta' attivitajiet li l-Ministeru għal Għawdex ħejja.

"Illum il-ġurnata m'għadniex nitkellmu fuq l-isfida tal-istaġjonalità imma lejn kif ser nattiraw turisti ta' kwalità," qalet il-Ministru Caruana. Hi fakkret kif, permezz ta' numru ta' festivals tematiċi, fejn għas-sena d-dieħla l-vot għal dawn l-attivitajiet żdied, Għawdex qiegħed kull ma jmur jikber fil-popolarità u jsir aktar imfittex mit-turisti interni kif ukoll dawk barranin.

Matul tmiem il-ġimgħa f'Għawdex ġew organizzati żewġ festivals; fil-ġonna tal-Villa Rundle sar is-Sweeth Tooth Festival, filwaqt li fiċ-Ċittadella saret attività mill-komunità Ġappuniża, li għalihom attendew numru kbir ta' viżitaturi.

Għax-xahar ta' Novembru ser jiġu organizzati dawn l-attivitajiet:
  • Is-Sibt 9 u l-Ħadd 10 ta' Novembru – 'Sound of Music' fl-Oratorju Don Bosco
  • Is-Sibt, 16 ta' Novembru – 'HillTop Rock' fil-pjazza tax-Xagħra
  • Il-Ġimgħa, 22 ta' Novembru – 'Myth, Folklore & Legends Festival', l-Għarb
  • Is-Sibt, 23 ta' Novembru – 'Kantamagħna' fit-Teatru Astra
  • Is-Sibt, 30 ta' Novembru – ftuħ uffiċjali tal-attivitajiet tal-Milied f'Għawdex fi Pjazza Indipendenza r-Rabat​