Navigate Up
Sign In

Inawgurati proġetti ta’ restawr fi knejjes Għawdxin: proġetti finanzjati minn fondi Ewropej

Reference Number: PR192348, Press Release Issue Date: Nov 02, 2019
 
Inawgurati proġetti ta’ restawr fi knejjes Għawdxin: proġetti finanzjati minn fondi Ewropej

 
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U DJALOGU SOĊJALI
Inawgurati proġetti ta’ restawr fi knejjes Għawdxin: proġetti finanzjati minn fondi Ewropej
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li permezz tal-proġetti ta’ restawr u tar-riġenerazzjoni tal-patrimonju nazzjonali, Għawdex kompla jibbenefika minn aktar fondi Ewropej.


Il-ministru uriet sodisfazzjon li permezz ta’ dawn l-interventi, li uħud minnhom kienu tant meħtieġa, qed nassiguraw li l-wirt kulturali Għawdxi jiġi preservat u mgħoddi lil ġenerazzjonijiet futuri u jitgawda mill-eluf ta’ viżitaturi li jagħżlu lil Għawdex.


Hi l-missjoni tal-Ministeru għal Għawdex li jkompli jaħdem biex iġib iktar fondi għal Għawdex. Il-Ministru Caruana fakkret li Għawdex kompla jibbenefika minn aktar fondi li oriġinarjament ma kinux allokati lill-gżira. Fosthom hemm 10 miljun ewro għar-riġenerazzjoni tal-widien, 5 miljun ewro għall-proġett tal-park & ride kif ukoll fondi biex jitjiebu l-faċilitajiet tad-dry standing areas għas-sajjieda fix-Xlendi u fl-Imġarr fost l-oħrajn.


Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li l-interventi mħabbra huma parti minn proġett usa’ b’valur totali ta’ €2 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. “Permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet qed insaħħu l-kunċett ta’ komunità fl-ibliet u fl-irħula, ninvestu fil-patrimonju kulturali tad-djoċesi ta’ pajjiżna kif ukoll insaħħu l-kunċett ta’ turiżmu reliġjuż fejn il-viżitaturi huma mħeġġa jmorru lil hinn minn postijiet tipiċi turistiċi u jżuru siti bħall-knejjes storiċi tagħna”.


L-Isqof Mario Grech żied li dawn il-proġetti jkomplu jsaħħu l-aspett reliġjuż li f’Għawdex hu ħaj u jkomplu jsaħħu n-niċċa turistika marbuta mat-turiżmu reliġjuż. Awgura li l-kollaborazzjoni u s-sinerġija li jeżistu bejn l-Istat u d-Djoċesi Għawdxija jkomplu jisseddqu fil-futur.


Is-sitt proġetti li ġew irrestawrati huma:


il-faċċata u l-kampnari tal-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Salvatur fl-Għasri
wieħed miż-żewġ kampnari tas-Santwarju Arċipretali tal-Immakulata Kunċizzjoni u ta’ San Ġużepp fil-Qala
iz-zuntier tal-Knisja ta’ Santa Luċija f’Santa Luċija
il-kampnar tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat
il-faċċata u fuq ġewwa tal-Knisja ta’ San Pawl f’Marsalforn
l-apside tal-Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Marija fix-Xagħra