Navigate Up
Sign In

Casa Amalia f’Għawdex – l-ewwel sena ta’ operat fil-qasam tal-anzjani

Reference Number: PR192692, Press Release Issue Date: Dec 23, 2019
 
Casa Amalia hi dar li toffri servizzi fil-kura tad-dimensja u li bdiet topera sena ilu.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li Casa Amalia hi l-ewwel servizz tal-anzjani speċjalizzat fid-dimenzja f’Għawdex li hu mmexxi mill-privat. Il-Ministru Caruana stqarret li s-settur tal-anzjani hu importanti ħafna għall-Ministeru għal Għawdex u għalhekk qed jixtri s-servizzi li toffri din id-dar biex jiġu offruti b’xejn lil dawk li għandhom bżonnhom.

“Matul din l-aħħar sena ħdimna biex introduċejna u tejjibna servizzi eżistenti għall-anzjani tagħna. Żidna  s-sodod fid-djar tal-anzjani kemm għall-kura fit-tul kif ukoll respite, saħħaħna l-meals on wheels u dak tal-għoti tal-ħrieqi li issa sar wieħed ċentralizzat”, qalet il-Ministru Caruana.

Casa Amalia għandha 23 sodda mifruxa fuq tliet sulari u toffri faċilitajiet kemm għall-koppji kif ukoll għal persuni waħidhom. Il-kmamar huma kollha mgħammra b’faċilitajiet moderni li jassiguraw kura ta’ kwalità u ta’ dinjità lill-anzjani bi staff imħarreġ fil-kura tad-dimenzja.