Navigate Up
Sign In

Sodisfatta d-domanda għal housing soċjali f’Għawdex

Reference Number: PR212143, Press Release Issue Date: Dec 01, 2021
 
Sodisfatta d-domanda għal housing soċjali f’Għawdex.


L-akkomodazzjoni soċjali hija strument importanti biex jiġu mifdija l-bżonnijiet u l-isfidi soċjali ta’ madwarna. Fil-fatt, biex jindirizza s-sitwazzjoni bla preċedent li nstabet fl-2017, dik fejn l-Awtorità tad-Djar kellha quddiemha l-ogħla lista ta’ stennija fl-istorja ta’ 3,288 persuna filwaqt li kellha l-iżgħar stokk disponibbli biex tindirizza dak il-bżonn, il-gvern irrikorra għall-akbar proġett soċjali fl-aħħar erbgħin sena bil-bini ta’1,700 appartament ġdid. 

Madanakollu, “Il-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdida qatt ma kien l-unika soluzzjoni biex jingħelbu dawn l-isfidi”, qal il-Ministru Roderick Galdes. Huwa fisser li fl-aħħar snin inħolqot sistema ta’ housing integrali li tippromwovi l-mobbiltà soċjali. Din is-sistema bdiet bir-regolazzjoni tas-suq tal-kera li inkludiet it-tisħiħ tal-istokk b’kull mezz possibbli, u soluzzjonijiet differenti biex żdied l-aċċess għal akkomodazzjoni adekwata. Dawn jinkludu r-riġenerazzjoni, ir-restawr ta’ djar dilapidati u alternattivi ta’ investiment lil sidien ta’ djar battala. Kienu dawn is-soluzzjonijiet differenti li  wasslu biex fl-aħħar snin saru 700 allokazzjoni.

Minn dawn is-700 allokazzjoni, 103 minnhom saru f’Għawdex. Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali enfasizza lisal-lum, “Kull applikant li kien eliġibbli, jiġifieri li għadda mill-għarbiel rigoruż u l-verifiki tal-Awtorità tad-Djar u talab jew xtaq li jkun allokat dar fil-gżira Għawdxija, it-talba tiegħu ġiet milqugħa u sodisfatta.” Il-Ministru Galdes spjega li l-eżerċizzju tal-profiling u studji oħra li qed iwettaq il-gvern b’mod regolari dejjem urew li Għawdex jippreżenta realtajiet differenti minn ta’ Malta. 

“Il-provvista f’Għawdex tikkorrispondi għad-domanda li ppreżentat ruħha fl-aħħar snin. Lesti li kull bżonn li jevolvi nwieġbu għalih ukoll,” temm jgħid il-Ministru Roderick Galdes. 

Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li b’sodisfazzjon semma li f’Għawdex saru 103 allokazzjoni ta’ housing biex b’hekk, sal-ġurnata tal-lum, it-talba ta’ kull applikant li kien eliġibbli għal dar f’Għawdex, intlaqgħet. Din hi xhieda kif dan il-gvern jieħu ħsieb lil kulħadd u jassigura li l-poplu qed jgħix kwalità ta’ ħajja li tixraqlu. 

Clint Camilleri qal li, “Huwa għalhekk li l-akkomodazzjoni soċjali qed tingħata prijorità mhux biss f’Malta iżda wkoll f’Għawdex. Għawdex huwa bil-fatti fil-qalba tal-ħidma ta’ dan il-gvern anke f’dan is-settur.” Il-Ministru Camilleri kkonkluda li dan hu gvern li jgħin u jwieżen lil min għandu bżonn biex ħadd ma jaqa’ lura u li jaħseb fiż-żgħażagħ u fil-familji. Fuq kollox, huwa gvern li għandu għal qalbu lil Għawdex u lill-familji Għawdxin bil-fatti.

Il-Kap Eżekuttiv għall-Awtorità tad-Djar Leonid McKay saħaq li r-realtà tas-suq tal-proprjetà u dak tal-kera huma differenti f’reġjuni differenti madwar Malta. Dan ukoll huwa rifless bejn is-swieq tal-proprjetà u dak tal-kera bejn Malta u Għawdex. Is-Sur McKay qal li dawn ir-realtajiet differenti xprunaw il-ħidma tal-Awtorità tad-Djar biex tkun tista’ tisfrutta skemi biex jiġu akkwistati proprjetajiet privati battala u tindirizza b’mod konkret il-waiting list ta’ dawk il-persuni eliġibbli f’Għawdex. 

Is-Sur McKay qal li hemm faxxa ta’ persuni li kienu jeħtieġu akkomodazzjoni soċjali b’mod immedjat. Huwa rrimarka li, “Minkejja li dawn l-iskemi jeħtieġu investiment b’saħħtu, għandhom benefiċċji differenti, fosthom li jagħtu lok u jiffaċilitaw is-social mix. Social mix li hija ta’ benefiċċju għall-familji li ċ-ċavetta ta’ dar tal-housing soċjali għalihom tfisser l-ewwel pass biex ikunu jistgħu jimxu ’l quddiem.” Ikkonkluda li huwa ta’ sodisfazzjon li flimkien mal-privat irnexxielna nipprovdu akkomodazzjoni alternattiva fi kważi l-lokalitajiet kollha ta’ Għawdex. 

.