Navigate Up
Sign In

Għawdex allokat l-akbar baġit fl-istorja b’€27 miljun għall-proġetti kapitali, b’żieda ta’ €5 miljun fuq is-sena l-oħra

Reference Number: PR211887, Press Release Issue Date: Oct 15, 2021
 
Għawdex allokat l-akbar baġit fl-istorja b’€27 miljun għall-proġetti kapitali, b’żieda ta’ €5 miljun fuq is-sena l-oħra

 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizza konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv fil-belt Victoria, fejn stqarr li dan il-Baġit se jkompli jinċentiva t-tkabbir ekonomiku sostenibbli f’Għawdex u l-prosperità tal-Għawdxin u ta’ kull min jagħżel lil Għawdex bħala d-dar tiegħu. Hekk kif verament jemmen fil-potenzjal tal-gżira Għawdxija u li l-Għawdxin għandhom ikollhom l-aqwa kwalità ta’ ħajja, Għawdex ġie allokat l-akbar baġit fl-istorja b’€27 miljun għall-proġetti kapitali, li tfisser żieda ta’ €5 miljun fuq is-sena l-oħra. Il-Ministru Camilleri qal li l-Baġit 2022 bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’ huwa sinjal ċar tal-ħidma u tal-viżjoni li għandu dan il-gvern taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.

Sostna kif il-programm vast ta’ proġetti infrastrutturali kif ukoll l-investimenti li qegħdin isiru se jservu biex l-ekonomija Għawdxija tkun aktar reżiljenti, aktar dinamika u tirpilja aktar malajr mill-effetti tal-pandemija, sabiex tkompli toħloq opportunitajiet ġodda. Hawnhekk, fakkar kif, bil-politika tal-gvern, naqqasna l-faqar, l-irkupru ekonomiku beda b’saħħa u din is-sena f’Għawdex, lejn it-tmiem tal-pandemija, irreġistrajna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja fil-gżira. Il-Ministru Clint Camilleri qal li d-diversi skemi li ġew implimentati fl-aħħar snin kienu ta’ xprun biex jinħoloq aktar xogħol f’Għawdex. Spjega għalhekk li se jiġu estiżi l-Employment Refund Scheme, it-Teleworking Scheme, l-iskemi fil-qasam tal-MICE, u se jkunu qed jitjiebu l-Back Office Employment Refund Scheme u skemi ta’ appoġġ promozzjonali lill-intraprizi Għawdxin li joperaw b’mod speċjali fis-settur tal-innovazzjoni digitali, tat-teknoloġija tal-internet u fis-settur turistiku. 

Il-Ministru kompla jelenka wħud mill-miżuri li tħabbru fil-Baġit 2022 għall-gżira Għawdxija, fosthom €11-il miljun għall-kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq madwar Għawdex. Fakkar li din is-sena biss sa Settembru 2021 tlestew madwar 34,000 metru kwadru ta’ toroq ġodda u, b’kollaborazzjoni sħiħa mal-kunsilli lokali, se ssir ukoll ir-riġenerazzjoni tal-pjazza ewlenija tal-Munxar u Ta’ Sannat. Dan filwaqt li se tkompli l-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ restawr jew bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ madwar Għawdex kollu b’fondi Ewropej li jlaħħqu ’l fuq minn €10 miljun, sabiex f’numru ta’ lokalitajiet Għawdxin jiġu rranġati ’l fuq minn 30 kilometru ta’ ħitan tas-sejjieħ.

Huwa semma li se tibda topera l-ewwel reverse osmosis iddisinjata mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex, b’investiment ta’ madwar €11-il miljun, filwaqt li ġew allokati €6 miljun sabiex jitkomplew ix-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv. Hawn, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li dan huwa l-ikbar investiment għall-qasam sportiv li qatt sar għal Għawdex. 

Waqt l-istess konferenza, qal li €2.5 miljun ġew allokati sabiex jitkompla x-xogħol fuq il-Mużew ta’ Għawdex, li se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Għawdex. Semma li Għawdex ngħata wkoll l-ikbar allokazzjoni ta’ aktar minn €1 miljun sabiex ikompli jippromwovi u jiżviluppa l-prodott turistiku u jattira iżjed turisti, kif ukoll aktar minn €1 miljun sabiex inkomplu ntejbu l-attivitajiet u l-inizjattivi kulturali.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li sabiex tkompli titjieb il-konnettività bejn Malta u Għawdex, se jiġu mmodernizzati l-faċilitajiet tal-heliport fix-Xewkija u qed issir ħidma bis-sħiħ fuq konnessjoni bl-ajru. Dan se jikkumplimenta ħafna t-titjib li sar fil-konnettività ta’ Għawdex ma’ Malta u lil hinn, kemm dik fiżika, bir-raba’ vapur li qed jopera fil-fliegu u bl-operat tal-fast ferry service, kif ukoll dik tal-konnettività diġitali bit-tieni fibre optic cable li tlesta bejn Malta u Għawdex u li jagħti serħan il-moħħ lill-industrija diġitali sabiex topera mill-gżira Għawdxija.

Huwa fakkar li qed naħsbu wkoll għall-akkomodazzjoni għal studenti Għawdxin u qraba ta’ pazjenti rikoverati f’Malta. Minbarra l-benefiċċju għall-kiri ta’ akkomodazzjoni li qed jingħata lill-istudenti Għawdxin, l-istudenti se jkomplu jiġu megħjuna b’dan il-proġett. Ix-xogħol strutturali f’Villa Lauri tlesta. Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li dan huwa gvern li jinvesti fil-kwalità tal-ħajja tan-nies u jemmen fil-prinċipju li kull persuna għandha tkun u tħossha inkluża fis-soċjetà tagħna. Għalhekk, Għawdex ġie allokat €2.3 miljun għal servizzi fil-komunità li jsaħħu l-inklużjoni. 

Il-Ministru Camilleri qal li jemmen li, għall-ewwel darba, permezz ta’ dan il-Baġit, se tkun indirizzata bis-sħiħ ir-rijabilitazzjoni ta’ postijiet antiki u ta’ karattru b’mod partikulari f’Għawdex. Il-fatt li min jixtri propjetà qadima li ilha ma tkun abitata u proprjetajiet f’UCA se jkun eżenti mit-taxxi tat-trasferiment tal-boll hija miżura bla preċedent, sabiex nikkonservaw il-wirt storiku ta’ gżiritna. Aktar minn hekk, ir-rifużjoni tal-VAT fuq ir-restawr ta’ proprjetajiet antiki tkompli ssaħħaħ il-messaġġ favur il-konservazzjoni tal-karattru arkitettoniku ta’ pajjiżna. Fuq dan kollu, u speċifiku għal Għawdex, il-first-time buyers li jixtru proprjetà vakanti jew f’UCA jew bi stil tradizzjonali f’Għawdex se jirċievu grant bil-valur doppju, jiġifieri €30,000. Hu fisser din il-miżura bħala importanti biex iżjed żgħażagħ u koppji Għawdxin jibnu l-futur tagħhom f’Għawdex. 

Huwa esprima kif dawn il-miżuri elenkati huma fost ħafna oħrajn li ġew ippreżentati f’dan il-Baġit, li jkomplu jikkonfermaw li Għawdex se jkun il-mudell ta’ prosperità ġdida li se nibnu fis-snin li ġejjin – ċentru tal-innovazzjoni u l-bidla f’pajjiżna. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li se nkomplu nsebbħu lil pajjiżna, il-familji tagħna ħa jkomplu jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar, b’għajnuniet għal min jaqla’ inqas, b’pensjonijiet ogħla, iktar dħul għall-familji tagħna, inqas taxxi għall-bieżel, iktar opportunitajiet u prijoritajiet ġodda. Pajjiż b’saħħtu u ġust. Huwa għalhekk li nistgħu nitkellmu fuq ‘Malta li rridu għal uliedna’.