Navigate Up
Sign In

Imħabbra skema oħra għall-qasam turistiku – Appoġġ fl-Organizzazzjoni u l-Ospitazzjoni ta’ Attivitajiet MICE f’Għawdex

Reference Number: PR211809, Press Release Issue Date: Oct 01, 2021
 
Imħabbra skema oħra għall-qasam turistiku – Appoġġ fl-Organizzazzjoni u l-Ospitazzjoni ta’ Attivitajiet MICE f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar skema oħra li tmur id f’id mal-iskema eżistenti magħrufa bħala MICE (taqsira  għal ‘Meetings, Incentives, Conventions, and Exhibition’). Permezz ta’ dan f’Għawdex se jkompli jiġi xprunat is-settur turistiku, hekk kif din l-iskema bit-titlu sħiħ ta’ ‘Appoġġ fl-Organizzazzjoni u l-Ospitazzjoni ta’ Attivitajiet MICE f’Għawdex’ (Support in Organising and Hosting MICE Activities in Gozo) mistennija tattira niċċa turistika partikolari fil-gżira Għawdxija.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Camilleri spjega li sena u nofs ilu skattat skema li reġgħet iġġeddet ftit tax-xhur ilu bl-għan li tinċentiva lil entitajiet privati u għaqdiet volontarji biex japplikaw għal xogħol ta’ restawr u aġġornament teknoloġiku f’siti li għandhom il-kapaċitajiet loġistiċi neċessarji. Żied jgħid li f’Mejju li għadda tħabbru sitt siti li saru eliġibbli għal din l-iskema.

Il-Ministru Camilleri sostna wkoll li l-appoġġ finanzjarju li l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed joffri huwa relatat mal-kiri tal-post, il-provvediment tal-ikel, u anke attivitajiet rikreattivi sinonimi mal-marka VisitGozo – żjarat kulturali, attivitajiet sportivi jew vjaġġi bir-ritorn. Dawn tal-aħħar ser ikunu possibbli biss għal dawk l-attivitajiet li jsiru fuq medda ta’ jumejn jew aktar. 

Id-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fil-Ministeru għal Għawdex Ronald Sultana spjega l-kriterji biex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn din l-iskema. Fost dawn semma li minn tal-inqas irid ikun hemm 25 persuna mhux residenti f’Għawdex parteċipi fl-attività. Is-Sur Sultana saħaq li għall-attivitajiet ta’ ġurnata, l-appoġġ finanzjarju ser ikun ta’ 25%, sa massimu ta’ €2,500, filwaqt li għall-attivitajiet ta’ jumejn jew aktar, l-appoġġ finanzjarju ser ikun ta 50%, sa massimu ta’ €8,500.

Il-ministru temm billi qal li, “B’hekk issa l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jimplimenta żewġ skemi fuq l-MICE. Din hija wirja ċara li qed naħdmu, u ser nibqgħu nixprunaw u nikkonsolidaw din in-niċċa turistika. Dan jgħin sabiex nattiraw ukoll udejnzi differenti minn dawk tradizzjonali, filwaqt li niddiversifikaw il-prodott turistiku Għawdxi”.