Navigate Up
Sign In

Estensjoni tal-użu tal-€100 vawċers tal-gvern sal-aħħar ta’ Ottubru

Reference Number: PR211657, Press Release Issue Date: Sep 13, 2021
 
Estensjoni tal-użu tal-€100 vawċers tal-gvern sal-aħħar ta’ Ottubru

 
Estensjoni tal-użu tal-€100 vawċers tal-gvern sal-aħħar ta’ Ottubru: aktar minn €33 miljun f’vawċers ġew użati sa issa 

L-użu tal-€100 vawċers tal-gvern ġie estiż sal-aħħar ta’ Ottubru, ħabbar il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt żjara f’ristoranti f’Marsalforn, fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Il-Ministru Schembri ta dettalji dwar l-użu tal-vawċers sa issa, u li jistgħu jissarrfu f’lukandi, f’ristoranti, fi ħwienet u f’servizzi.

“Sa issa ġew użati aktar minn €33 miljun f’vawċers, li jfisser 74% tal-vawċers. Minn dan l-ammont, €30.6 miljun ġew użati f’Malta filwaqt li €2.4 miljun ġew użati f’Għawdex. Sa issa, minn €12-il miljun f’vawċers diġitali ntużaw €10 miljun, jiġifieri 83.3% mill-ammont tal-vawċers diġitali li tniżżlu, filwaqt li €23 miljun ġew użati minn €32 miljun tal-vawċers stampati, jiġifieri 71.9% tal-ammont stampati”, spjega l-Ministru Schembri.

Inħarġu mat-3.58 miljun vawċers għal 447,669 persuna għall-valur ta’ €44.77 miljun. Minn dawn, 117,485 persuna niżżlet il-vawċers tagħha b’mod diġitali filwaqt li 330,184 persuna ppreferiet vawċers stampati. Id-distribuzzjoni tal-vawċers bil-posta f’Malta u f’Għawdex intemmet fil-5 ta’ Lulju 2021. Kien hemm 300,757 vawċers li ġew impustati jew miġbura kif ukoll 29,425 vawċer li għad iridu jiġu miġbura. 

Ix-xahar ta’ Lulju kien l-aktar wieħed li ntużaw il-vawċers, bl-10 ta’ Lulju jkun il-jum li fih ġew użati €774,000. Fi tmiem il-ġimgħa, l-użu medju jammonta għal €1.37 miljun, filwaqt li matul il-ġimgħa, jiġifieri mit-Tnejn sal-Ħamis, l-użu medju ta’ vawċers kien ta’ €1.22 miljun. Dan ifisser injezzjoni ekonomika diretta ta’ €2.6 miljun fil-ġimgħa.

“L-iskema tal-vawċers qed tiġġenera attività ekonomika b’saħħitha li qed isservi ta’ għodda importanti għar-riġenerazzjoni ekonomika, partikolarment dik domestika. Il-vawċers minnhom infushom huma għas-sehem dirett tal-pubbliku biex tkun riġenerata l-ekonomija u nkomplu bil-pjan tagħna biex nipproteġu n-negozji u nissalvagwardjaw l-impjiegi. Għaldaqstant biex naċċertaw il-konsum minnu nnifsu u nkomplu nilħqu l-iskop tal-iskema, ser inkunu qed nestendu l-użu tal-vawċers sal-aħħar ta’ Ottubru. L-iskop tagħna qed ikompli jintlaħaq u r-riżultati ta’ deċiżjonijiet iebsin li kellna nieħdu fl-aktar mument ta’ sfida qed jaslu”, qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li mir-ristoranti li żaru deher biċ-ċar li l-vawċers li ta l-gvern għal sena oħra għenu lin-negozji lokali, minn lukandi sa ristoranti u ħwienet oħra sabiex komplew għaddejjin fiż-żmien tal-pandemija. Qal li, “F’Għawdex biss dan is-sajf intefqu €2.4 miljun f’vawċers. Minn nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Settembru sal-Erbgħa 8 ta’ Settembru (il-Vitorja) qasmu l-fliegu aktar minn 98,000 persuna permezz tal-Gozo Channel. Hawnhekk nista’ nħabbar ukoll li matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu qasmu l-fliegu kważi miljun ruħ permezz tal-Gozo Channel.” 

Fakkar ukoll li t-tnaqqis fir-rata tal-qgħad f’Għawdex għall-inqas livelli fl-istorja kien sforz ħidma qawwija u pjan ċar. Dan juri l-għaqal u l-impenn tal-gvern sabiex fis-sena tal-pandemija, proprju f’Ġunju, kienu biss 136 persuna jirreġistraw. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kkonkluda li dan il-gvern minn dejjem kien kommess li jgħin lin-negozji u lill-familji Maltin u Għawdxin u baqa’ jagħmel dan b’mod kontinwu. Fi żmien ta’ sfida, kien fuq quddiem sabiex ma jintilfux l-impjiegi.

Waqt din il-konferenza, iż-żewġ ministri kienu akkumpanjati mill-Gozo Tourism Association, il-Kamra Għawdxija għall-Kummerċ kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Mimcol Stanley Mifsud.