Navigate Up
Sign In

Permezz ta’ ffirmar ta’ MOU, iċ-Ċentru tal-Volontarjat f’Għawdex se jibda jiġi amministrat mill-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat

Reference Number: PR211597, Press Release Issue Date: Sep 02, 2021
 
Permezz ta’ ffirmar ta’ MOU, iċ-Ċentru tal-Volontarjat f’Għawdex se jibda jiġi amministrat mill-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat

l-Ministeru għal Għawdex, is-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji, u l-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat se jkunu qed jikkollaboraw sabiex iċ-Ċentru tal-Volontarjat f’Għawdex ikun immexxi mill-istess kunsill u b’hekk l-għaqdiet volontarji Għawdxin se jkollhom aċċess aħjar għas-servizzi offruti minnu.

Dan iċ-ċentru se jkun qed iservi primarjament sabiex il-volontarjat ikompli jiżviluppa fil-komunità Għawdxija, joffri appoġġ lill-għaqdiet volontarji fl-operazzjoni ta’ kuljum tagħhom, u anke jservi bħala bażi minn fejn dawn l-għaqdiet jistgħu joperaw.

Il-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat se jkun qed iħarreġ l-istaff preżenti sabiex dan iċ-ċentru jkun jista’ jagħti l-appoġġ lill-għaqdiet volontarji Għawdxin bl-aħjar mod possibli. Il-kunsill se jkun qed jikkoopera wkoll mal-Ministeru għal Għawdex sabiex jiġu organizzati attivitajiet li jippromwovu dan iċ-ċentru mal-għaqdiet volontarji.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Okkażjonijiet bħal dawn juru biċ-ċar li bħala Ministeru għal Għawdex aħna ninkoraġġixxu u nilqgħu diversi kollaborazzjonijiet ma’ diversi ministeri oħra. L-għan taċ-Ċentru tal-Volontarjat huwa li jservi sabiex irawwem u jiżviluppa l-volontarjat fil-komunità, kif ukoll jappoġġja organizzazzjonijiet volontarji żgħar u medji fl-operat tagħhom”. Huwa laqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma li saret bejn iż-żewġ ministeri.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li rridu nkomplu nsostnu l-ħidma tal-volontarjat – ħidma li hija msejsa fuq ix-xogħol li jsir mill-voluntiera f’diversi oqsma u setturi tas-soċjetà Maltija u Għawdxija.

Huwa kompla jgħid li dan il-ftehim bejn il-kunsill u l-ministeru se jassigura servizz dejjiemi u stabbli għall-għaqdiet volontarji Għawdxin sabiex ikomplu jagħmlu l-ġid fil-komunità.

Fost is-servizzi li joffri dan iċ-ċentru, hemm żewġ uffiċini li jistgħu jintużaw mill-għaqdiet volontarji sabiex jagħmlu l-laqgħat tagħhom fihom kif ukoll sala għat-taħriġ b’apparat elettroniku sabiex isiru l-preżentazzjonijiet. L-għaqdiet volontarji huma mħeġġa sabiex jibbukkjaw mis-sit https://maltacvs.org/resources/volunteer-centres/.