Navigate Up
Sign In

Il-Ministeru għal Għawdex jiffinanzja r-restawr taż-żewġ kampnari u partijiet mill-faċċata tal-Knisja taż-Żebbuġ b’valur ta’ €106,000

Reference Number: PR211528, Press Release Issue Date: Aug 18, 2021
 
Il-Ministeru għal Għawdex jiffinanzja r-restawr taż-żewġ kampnari u partijiet mill-faċċata tal-Knisja taż-Żebbuġ b’valur ta’ €106,000 


B’investiment ta’ €106,000, id-Direttorat ta’ Eko Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jiffinanzja x-xogħlijiet ta’ restawr fuq iż-żewġ kampnari u partijiet mill-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Marija Assunta fiż-Żebbuġ.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, fejn saħaq li kif ġara ma’ parroċċi oħra, il-Gvern qed iservi ta’ spalla għall-Knisja sabiex anke jara li l-wirt storiku ta’ pajjiżna jiġi ppreservat.

Din il-kontribuzzjoni ser tkun qiegħda tgħin sabiex isir ir-restawr taż-żewġ kampnari—xogħlijiet li jinvolvu t-twaqqigħ u r-rikostruzzjoni tal-kampnari eżistenti, il-bdil ta’ partijiet mill-entablatura, il-gwarniċ u restawr ta’ ħsara oħra mal-faċċata mġarrba matul is-snin. 

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Camilleri spjega li madwar tliet snin ilu l-parroċċa taż-Żebbuġ kienet ikkummissjonat rapport tekniku dwar l-istruttura tal-kampnari u kien ħareġ biċ-ċar li hemm dgħufija strutturali. Għalhekk kien hemm bżonn ta’ intervent urġenti biex dawn l-istess kampnari jiġu restawrati. F’Lulju tas-sena 2019 il-parroċċa rċeviet il-permessi meħtieġa biex jibdew ix-xogħlijiet ta’ restawr u għalhekk issa l-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jgħin finanzjarjament lil din il-parroċċa.

Min-naħa tiegħu, l-arċipriet tal-parroċċa Dun Ġwann Sultana rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex u l-Gvern, hekk kif bl-intervent tagħhom qed iwasslu biex iseħħ dan il-proġett tant mistenni. Dan il-proġett se jippermetti wkoll biex din il-knisja pittoreska terġa’ tiġi fil-glorja tagħha. 

Finalment, il-Ministru qal li “dan huwa eżempju ieħor ta’ kif dan il-Gvern ma jinsa lil ħadd u jinvesti fil-komunità kollha. Aħna kommessi li nkomplu ninvestu f’aktar proġetti soċjali u kulturali għaliex huma d-dmir tagħna li nkomplu nħarsu l-patrimonju kulturali.”