Navigate Up
Sign In

Iffirmat ftehim mal-Għaqda Ħbieb tal-Morda u tal-Anzjani – provduti tnax-il sodda tal-elettriku u ħames person hoists

Reference Number: PR211333, Press Release Issue Date: Jul 15, 2021
 
Iffirmat ftehim mal-Għaqda Ħbieb tal-Morda u tal-Anzjani – provduti tnax-il sodda tal-elettriku u ħames person hoists

 
Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Għaqda Ħbieb tal-Morda u tal-Anzjani f’Għawdex, li permezz tiegħu din l-għaqda volontarja bbenefikat minn investiment ta’ €24,000.  

F’konferenza tal-aħbarijiet, ġie spjegat li dan se jwassal biex l-għaqda volontarja, li taħdem mal-aktar nies vulnerabbli f’Għawdex, tkun tista’ tipprovdi tnax-il sodda tal-elettriku u ħames electronic person hoists għall-anzjani u l-morda.

Waqt l-indirizz tiegħu lil din l-għaqda, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rrimarka li, permezz ta’ apparat li jiġi offrut, l-anzjani u l-morda jkunu jistgħu jibqgħu jiġu kkurati u indukrati fi djarhom stess, u b’hekk ma jkollhomx għalfejn jiddaħħlu l-isptar jew f’dar residenzjali biex jieħdu l-kura. Dwar dan is-servizz, il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Narah iservi ta’ benefiċċju għalihom, hekk kif dawn ikunu jistgħu jibqgħu jiġu kkurati minn familjari jew persuni li jafuhom f’darhom stess. Ħaġa li wkoll tħallihom jibqgħu jgħixu fil-komunità b’mod trankwill.”

Min-naħa tiegħu, il-President tal-għaqda Paul Zammit, filwaqt li rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex ta’ din l-għotja, semma kif ta’ kull sena huma jsellfu apparat li jgħin lill-anzjani u lill-morda fil-ħajja ta’ kuljum. Fost l-apparat li jiġi offrut b’self bla ħlas hemm sodod, krozzi, wheelchairs u lifters.

Il-Ministru Camilleri stqarr kif fi żmien ikkaratterizzat minn pandemija, dan il-gvern ma injorax dak li kienu qed jgħidulu organizzazzjonijiet u għaqdiet volontarji, iżda semagħhom u għenhom. Infatti, huwa temm jgħid li, “Il-qasam soċjali f’Għawdex dejjem ingħata prijorità assoluta u dan jixhduh l-investimenti u l-kollaborazzjonijiet vitali li qed isiru madwar il-gżira. Dan partikolarment fejn jidħlu l-persuni b’diżabilità, anzjani, morda, dawk li jkollhom bżonn jirrijabilitaw ruħhom minn xi vizzju u oħrajn.”