Navigate Up
Sign In

Finanzjament ta’ €60,000 għal kors ta’ tfal b’diżabilità

Reference Number: PR211327, Press Release Issue Date: Jul 15, 2021
 
Finanzjament ta’ €60,000 għal kors ta’ tfal b’diżabilità

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar finanzjament ta’ €60,000 li se jissarraf f’kors għal 24 tifel u tifla li għandhom diżabilità, fosthom l-awtiżmu.

Il-kors, li qed jiġi organizzat minn The Voice for Inclusion Gozo flimkien ma’ Hand in Hand, se jara li dawn it-tfal jimxu ’l quddiem f’ħajjithom.

Il-Ministru Camilleri spjega kif dan huwa xhieda ta’ Gvern li ma jħalli lil ħadd waħdu u elenka li “permezz tiegħu qed ngħinu tifel jew tifla b’diżabilità jintegraw u jħossuhom aktar inklużi fis-soċjetà tagħna. F’Għawdex qed nagħmlu investimenti kbar sabiex aktar postijiet u żoni jsiru kemm aċċessibbli kif ukoll adegwati u siguri għal persuni b’diżabilità.”

F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li dawn it-tfal b’diżabilità se jingħataw l-attenzjoni meħtieġa biex itejbu l-ħiliet tagħhom matul il-ġimgħat li ġejjin, filwaqt li jippreparaw ruħhom għas-sena skolastika li jmiss. 

Chris Vassallo, Direttur ta’ Hand in Hand, irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex li offra l-id tal-għajnuna u se jkun qed jagħti €2,500 għal kull studenti li se jattendu għal dan il-kors fuq medda ta’ tmien ġimgħat fix-xhur tas-sajf. 

Il-Ministru għal Għawdex temm billi rringrazzja lil dawn l-għaqdiet għax-xogħol li qed iwettqu ma’ dawn it-tfal kif ukoll mal-ġenituri tagħhom, filwaqt li saħaq kif il-Ministeru għal Għawdex se jibqa’ għaddej bil-ħidma f’dan il-qasam ħalli aktar postijiet ikunu adegwati għal tfal bl-awtiżmu u ħadd ma jaqa’ lura fis-soċjetà.