Navigate Up
Sign In

Jitlesta x-xogħol ta’ rikostruzzjoni fuq il-moll taċ-Ċirkewwa

Reference Number: PR211074, Press Release Issue Date: Jun 05, 2021
 
Jitlesta x-xogħol ta’ rikostruzzjoni fuq il-moll taċ-Ċirkewwa

Waqt żjara fiċ-Ċirkewwa, il-Ministri Ian Borg u Clint Camilleri ħabbru li x-xogħol ta’ rikostruzzjoni li sar fuq il-moll taċ-Ċirkewwa mill-aġenzija Infrastructure Malta issa huwa lest.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “Qed naraw li nkomplu ninvestu fl-infrastruttura marittima għax nemmnu li hija essenzjali, b’mod speċjali għal pajjiżna li huwa gżira. F’dan il-proġett, b’investiment ta’ €1.6 miljun, rajna li apparti li nerġgħu nagħtu l-ħajja lil dan il-moll ta’ 100 metru permezz tat-tiswija kollha li kienet meħtieġa, rajna wkoll li ninvestu fis-sajjieda tagħna sabiex nipproteġulhom l-opri tagħhom mill-maltemp u l-ħsarat li jsofru. Infakkar ukoll kif dan mhuwiex l-uniku proġett marittimu li l-aġenzija Infrastructure Malta qed tagħmel. Sa din il-ġimgħa stess ġew inawgurati żewġ terminals fil-Belt Valletta u anke l-Imġarr Għawdex għall-użu tal-fast ferry, kif ukoll ftit ’il bogħod minn hawn għaddejjin bir-rikostruzzjoni tal-breakwater tal-Marfa, pontoons f’Tal-Magħluq Marsaxlokk, pontoons fl-Imġarr Għawdex, filwaqt li għaddejin b’xogħlijiet fit-Toqba tal-Birgu u proġetti oħra. Dan bla dubbju li hu xhieda oħra tal-impenn tagħna li nkomplu naħdmu favur infrastruttura tal-ogħla kwalità mhux fit-toroq biss iżda f’setturi oħra importanti għal pajjiżna bħalma hu s-settur marittimu u t-trasport bil-baħar.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rringrazzja lill-Ministru Ian Borg tal-koperazzjoni li jsib mill-Ministeru u minn Infrastructure Malta. Stqarr li “llum qegħdin hawn sabiex inħabbru li ntemmet ir-rikostruzzjoni tal-moll taċ-Ċirkewwa li saret b’valur ta’ €1.6 miljun u se jkun jista' jibda jintuża fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Ta’ min ngħid li dan l-investiment qed inħabbruh wara li proprju nhar it-Tlieta wkoll għadna kif nedejna s-servizz tal-fast ferry u żewġ terminals ġodda fil-Belt u fl-Imġarr. Kommessi li nkomplu ntejbu mhux biss l-infrastruttura fejn jidħlu proġetti imma anki l-infrastruttura marittima għaliex dan il-Gvern jieħu ħsieb kull qasam u aħna verament Gvern għan-nies."

Minħabba ħsarat estensivi li ġarrab, dan il-moll ma setax jintuża bħala post ieħor ta’ rmiġġ għall-Gozo Channel. 

L-aġenzija Infrastructure Malta bdiet dan il-proġett matul is-sajf li għadda. Ix-xogħol kien jirrikjedi li l-ewwel isir tkissir tal-maġġor parti tal-moll li jinsab ’il fuq mill-ilma u mbagħad saru tiswijiet estensivi taħt l-ilma.

L-aġenzija lestiet ukoll dawk li huma magħrufa bħala fender blocks, li jinkludu wkoll is-safety walls sabiex jiġu evitati aċċidenti fejn il-baħħara jistgħu jaqgħu mill-għoli waqt li jkunu qed jorbtu. Il-gverta l-ġdida ta’ dan il-moll, ta’ aktar minn 2,300 metru kwadru, qiegħda f’livell aktar għoli bħala miżura ta’ sigurtà minħabba l-mewġ b’saħħtu.

Dan il-moll issa qiegħed jgħaddi lil Transport Malta u anke lil Gozo Channel li jieħdu ħsieb is-servizz ta’ bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr sabiex anke fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ikun jista’ jibda jintuża.