Navigate Up
Sign In

L-aħħar xogħlijiet sabiex jingħata bidu għas-servizz tal-fast ferry

Reference Number: PR210982, Press Release Issue Date: May 26, 2021
 
L-aħħar xogħlijiet sabiex jingħata bidu għas-servizz tal-fast ferry


Il-Ministri Ian Borg u Clint Camilleri żaru x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa bħala parti mill-investiment ta’ €2.5 miljun biex jinbnew terminals ġodda sabiex ikun jista’ jingħata bidu għas-servizz tal-fast ferry, kif inhu skedat għall-1 ta’ Ġunju.

Iż-żewġ ferry landing sites se jkollhom kabini fejn jinxtraw il-biljetti, waiting areas u toilets pubbliċi għall-passiġġieri. Tagħmir ta’ emerġenza biex tkun żgurata s-sigurtà tal-passiġġieri se jkun installat ukoll.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg semma li s-servizz tal-fast ferry se jkun pass ieħor ’il quddiem fl-infrastruttura marittima u turija oħra tal-viżjoni ħolistika ta’ dan il-gvern għat-trasport.

“Permezz ta’ dan l-investiment se nkunu qegħdin nagħtu spinta ’l quddiem l-infrastruttura marittima f’pajjiżna. Però mhux biss. Il-fast ferry ifisser inċentiv ieħor sabiex in-nies jużaw mezzi oħra ta’ trasport li huma aktar sostenibbli u nodfa bħalma hu t-trasport tal-baħar. Nemmnu li se jkun ukoll inċentiv li se jerġa’ jqajjem fuq saqajh il-prodott turistiku f’pajjiżna. Permezz tal-fast ferry investejna wkoll f’dawk il-mijiet ta’ studenti u ħaddiema Għawdxin li jivvjaġġaw ta’ kuljum lejn Malta għax-xogħol jew għall-Università u lil dawn in-nies m’aħniex se nkunu qed niffrankawlhom il-ħin biss iżda se nkunu qed nagħtuhom aktar ħin fuq idejhom li jistgħu jużawh kif jixtiequ huma.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li x-xogħol fuq il-moll u t-terminal fl-Imġarr baqa’ għaddej bil-Ħdud ukoll sabiex ikun jista’ jitlesta fi żmien spedit. Qal li, “Dak li wegħedna se nkunu qegħdin inwettquh. Ninsabu ftit jiem ’il bogħod mill-ewwel vjaġġ bil-fast ferry u ħerqan sabiex nara wkoll l-ewwel turisti jaqsmu lejn Għawdex b’dan il-mezz.” Il-ministru semma li l-fast ferry mhux biss se jkun qed jintuża mill-Għawdxin li jaħdmu Malta iżda wkoll se jattira u jħajjar iżjed turisti li jiġu jqattgħu ftit ġranet ta’ btala f’Malta sabiex iżuru l-gżira Għawdxija. Ikkonkluda li din hi t-tip ta’ bidla li qed joħloq dan il-gvern għax verament jemmen fil-potenzjal li għandu Għawdex u jkompli jaħdem sabiex jiffaċilita l-ħajja tal-Għawdxin u jattira l-investiment lejn din il-gżira.

Is-servizz tal-fast ferry se jkun qed iwassal lill-passiġġieri mill-Imġarr, Għawdex, sal-Belt Valletta f’inqas minn 45 minuta. Sa issa hemm żewġ operaturi kkonfermati li se joffru dan is-servizz. Dawn huma Gozo Fast Ferry u Virtu Ferries Fast Ferry.