Navigate Up
Sign In

B’valur ta’ €45,000, il-Ministeru għal Għawdex jiffinanzja multi-sensory room għal Dar Arka

Reference Number: PR210715, Press Release Issue Date: Apr 19, 2021
 
B’valur ta’ €45,000, il-Ministeru għal Għawdex jiffinanzja multi-sensory room għal Dar Arka 

B’investiment ta’ €45,000 il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jiffinanzja multi-sensory room ġdida għall-Fondazzjoni Arka li toffri servizz u kenn għall-persuni b’diżabilità.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, fejn fiha ġie ffirmat il-ftehim għal dan il-proġett mad-Direttur ta’ Dar Arka Dun Michael Galea. 

Il-Ministru Clint Camilleri nnota kif f’din id-dar bħalissa għaddejjin bosta xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni, dan sabiex tkun tista’ toffri l-aħjar servizzi lir-residenti tagħha li għandhom diżabilitajiet varji. Hawnhekk huwa saħaq kif “il-Ministeru għal Għawdex dejjem ħadem sabiex jara t-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali f’din il-gżira u għalhekk qatt ma ddejjaq ikun ta’ spalla finanzjarja għal fondazzjonijiet u għaqdiet bħal Dar Arka.” 

Min-naħa tiegħu d-Direttur ta’ Dar Arka, Dun Michael Galea, irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex li għal darb’oħra offra l-id ta’ għajnuna lil din id-dar. Huwa spjega kif il-Multi-Sensory Room hija ferm importanti għall-proċess ta’ terapija tal-persuni b’diżabilità, hekk kif din fost l-oħrajn toffrilhom ambjent interattiv, ta’ rikreazzjoni u anke edukattiv. 

Fi tmiem il-konferenza l-Ministru Clint Camilleri radd ħajr lit-tmexxija u l-ħaddiema kollha ta’ Dar Arka għal dak kollu li qed iwettqu favur dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, anke hekk kif fi żminijiet ta’ pandemija kellhom ukoll iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi differenti u diffiċli.