STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Il-Gvern jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Ornis biex jinfetaħ l-istaġun għall-kaċċa tas-summiena fir-rebbiegħa
Il-Gvern qiegħed jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Ornis biex jinfetaħ l-istaġun għall-kaċċa tas-summiena fir-rebbiegħa mill-10 ta’ April sat-30 ta’ April minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, inkluż fost il-ġimgħa, nhar ta’ Sibt u Ħadd u festi pubbliċi.
Il-kwota nazzjonali għal dan l-istaġun hija ta’ 2,400 summiena u mhu se jkun hemm l-ebda kwota individwali.
Il-kaċċa għas-summiena hija minnha nnifisha attività solitarja. Id-direttivi kollha li ħarġu u li jistgħu jibqgħu joħorġu mill-awtoritajiet tas-saħħa huma applikabbli għal kulħadd, inkluż għal dan is-settur.
Il-Gvern itenni l-appell tiegħu biex issir kaċċa għas-summiena biss u kulħadd għandu jimxi mal-parametri tal-liġi.