Navigate Up
Sign In

Ċentru ewlieni tat-tilqim għal Għawdex li qed jintensifika l-programm ta’ tilqim fil-gżira Għawdxija

Reference Number: PR210545, Press Release Issue Date: Mar 19, 2021
 
 
Ċentru ewlieni tat-tilqim għal Għawdex li qed jintensifika l-programm ta’ tilqim fil-gżira Għawdxija

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żaru l-Gozo Conference & Expo Centre, li bil-ħidma konġunta tal-Ministeru għal Għawdex mal-Ministeru għas-Saħħa, ġie konvertit f’ċentru ewlieni tat-tilqim f’Għawdex. 

Id-Deputat Prim Minsitru u l-Ministru għas-Saħħa tenna li b’dan iċ-ċentru fir-Rabat ser ikun possibbli li ċ-ċittadini Għawdxin kollha jitlaqqmu Għawdex stess. Fil-fatt, huwa ħeġġeġ lil kull min hu residenti Għawdex u li laħaq irċieva ittra ta’ stedina għall-vaċċin f’Malta sabiex iċempel fuq il-helpline 145 ħalli jingħatalu appuntament ieħor Għawdex stess. Id-Deputat Prim Ministru fakkar li dan iċ-ċentru huwa wieħed minn madwar 40 ċentru li għandna miftuħin bħalissa minn fejn qed tingħata l-vaċċin. “Ir-roll-out tal-vaċċin miexi b’ritmu tajjeb, bħalissa qegħdin jirċievu u jingħataw il-vaċċin dawk li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 60 u 79 sena u fl-istess ħin qed jitkompla wkoll it-tilqim ta’ ħaddiema essenzjali”, qal id-Deputat Prim Ministru.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li, “Dan iċ-ċentru huwa kompletament aċċessibbli; biswit l-akbar parkeġġ f’Għawdex; qed jopera b’6 vaccination booths; u għandu kapaċità ta’ seating spazjat għal 40 ruħ f’salt”. Huwa qal li issa għaddej programm estensiv u spedit ta’ tilqim għall-Għawdxin kollha għaliex għal dan il-gvern, is-saħħa tibqa’ prijorità. Il-Ministru Camilleri kkonkluda li t-tilqim huwa kruċjali biex nerbħu din il-ġlieda kontra l-pandemija u għalhekk il-Ministeru għal Għawdex kommess li jkompli jaħdem u jagħti l-għajnuna kollha tiegħu lill-Ministeru għas-Saħħa.