Navigate Up
Sign In

“Għawdex se jkun il-mudell ta’ prosperità ġdida li se nibnu fis-snin li ġejjin – ċentru tal-innovazzjoni u l-bidla f’pajjiżna”

Reference Number: PR210468, Press Release Issue Date: Mar 03, 2021
​​
 
“Għawdex se jkun il-mudell ta’ prosperità ġdida li se nibnu fis-snin li ġejjin – ċentru tal-innovazzjoni u l-bidla f’pajjiżna”

F’indirizz waqt business breakfast f’Għawdex bit-tema ‘Mudell Sostenibbli għal Għawdex’, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-mira ta’ dan il-gvern hija ċara; li jinqered kull distakk ekonomiku li jeżisti bejn Għawdex u Malta bl-għan li jinħoloq mudell ekonomiku ta’ prosperità ġdida li se nibnu flimkien fis-snin li ġejjin. 

“Biex nibnu prosperità ġdida rridu nagħmlu qabża fl-edukazzjoni. Fl-ekonomija kontemporanja l-ħiliet u l-kreattività huma kollox u Għawdex huwa l-aqwa post minn fejn intellqu din l-istrateġija ta’ upskilling. Wieħed minn kull għaxar ċittadini Maltin li bħalissa qed jieħu edukazzjoni terzjarja huwa Għawdxi u dan huwa kważi d-doppju tal-persentaġġ tal-popolazzjoni f’pajjiżna li huwa residenti f’Għawdex. Barra minn hekk, wieħed minn kull erba’ Għawdxin li bħalissa qed jistudjaw fil-livell terzjarju qed jagħmel kors fil-matematika, inġinerija jew informatika,” saħaq il-Prim Ministru. 

Settur ieħor li tkellem dwaru l-Prim Ministru kien dak diġitali u finanzjarju. “Is-servizzi finanzjarji, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u s-servizzi professjonali li fl-2012 kienu jiġġeneraw biss €28 miljun f’Għawdex, sas-sena qabel il-pandemija kienu kibru għal €101 miljun. Għalhekk, meta l-pandemija laqtitna, l-ekonomija Għawdxija setgħet tkun iktar reżiljenti u konsegwentament Għawdex qed jirnexxielu jirkupra aktar malajr minn Malta, bin-numru ta’ dawk jirreġistraw issa huwa kważi bħal dak ta’ qabel bdiet l-imxija tal-COVID-19,” qal Dr Abela. 

Il-Prim Ministru tkellem dwar fenomenu li evolva b’ritmu mgħaġġel u dinamiku matul il-pandemija; dak tat-teleworking. “Nemmen li wara li tintemm il-pandemija dan il-fenomenu se jkompli. Il-pandemija fetħet għajnejn ħafna operaturi fuq kemm id-diġitalizzazzjoni tista’ tkun għodda effettiva u bħala Gvern se nagħtu inċentivi ċari biex dan il-proċess ikompli,” stqarr il-Prim Ministru Robert Abela.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għall-viżjoni ta’ dan il-Gvern biex titkabbar ir-reżiljenza tas-setturi tradizzjonali, fejn saħansitra din il-ġimgħa ġiet approvata fuq livell ta’ Kabinett tal-Ministri għajnuna ġdida għas-settur agrikolu li tlaħħaq l-€4.5 miljun ewro. 

Dwar il-link permanenti u l-fast ferry, il-Prim Ministru qal li din l-amministrazzjoni hija kommessa li toħloq link permanenti bejn iż-żewġ ġżejjer. Sakemm jitwettaq dan il-proġett, dan il-Gvern se jkompli jagħmel l-almu tiegħu biex inaqqas il-problema tat-trasport bejn iż-żewġ gżejjer, fost l-oħrajn permezz tal-introduzzjoni ta’ fast ferry, fejn il-Gvern se jinvesti €5 miljun fl-infrastruttura marittima u jilliberalizza bl-iktar mod trasparenti u komplet biex l-operaturi interessati jipprovdu s-servizz tal-fast ferry dirett għall-passiġġieri biss bejn l-Imġarr, Għawdex u l-Belt Valletta f’45 minuta biss. B’hekk, mill-ewwel ta’ Ġunju l-operaturi ta’ trasport bil-baħar se jkunu jistgħu jipprovdu s-servizz tagħhom permezz ta’ fast ferry.

B’referenza għat-tema tal-ambjent, il-Prim Ministru qal li fl-aħħar xhur saret applikazzjoni għall-proġett multi-miljunarju fejn, bl-għajnuna ta’ kumpaniji internazzjonali, qed ikun esplorat biex Għawdex isir gżira fejn l-enerġija kollha tkun carbon-neutral u jibda jesporta enerġija nadifa lejn Malta. B’dan il-proġett ambizzjuż, pajjiżna se jservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra Ewropej, għaliex il-Gvern huwa kommess li jkun minn tal-ewwel li jħaddan politika wiesgħa ambjentali.

“Din hija l-viżjoni tagħna għal Għawdex. Ambizzjoni li tpoġġi lil Għawdex għall-ewwel darba fl-istorja tar-repubblika tagħna fiċ-ċentru tal-bidla, u mhux aktar fil-periferija. Hija viżjoni li tirrikjedi bidliet kbar u ħidma qawwija li flimkien konvint li se ntellqu mudell sostennibli li bih nibnu l-prosperità ġdida għan-nazzjon li jistabbilixxi ruħu bħala ċentru tal-innovazzjoni u l-bidla f’pajjiżna,” ikkonkluda l-Prim Ministru.  

Waqt id-diskors tal-ftuħ, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li Għawdex inbidel minn post fejn iż-żgħażagħ biex jaħdmu kien ikollhom imorru jgħixu Malta, għal post fejn fl-aħħar sitt snin kien hemm żieda ta’ madwar 13-il persuna jaħdmu ta’ kull ġimgħa. Din hija aktar mid-doppju taż-żieda li kienet osservata qabel. Huwa stqarr li meta l-Gvern ħabbar il-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika f’Ġunju li għadda, in-negozju f’Għawdex irrisponda, u sal-bidu ta’ din is-sena 90% ta’ dawk li kienu tilfu xogħolhom f’Għawdex kien reġgħu bdew jaħdmu. Proporzjon ferm ogħla minn dak f’Malta.

Fl-intervent tagħha, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana enfasizzat kemm pajjiżna għandu settur edukattiv b’saħħtu, tant li llum il-ġurnata qed ikun rikonoxxut sew barra minn xtutna, u wkoll qed nesportaw il-kompetenzi u l-ħiliet tagħna. “Dan ma sarx b’kumbinazzjoni,” qalet il-Ministru Caruana, “imma għaliex Malta toffri taħriġ edukattiv b’xejn f’kull livell u nagħtu wkoll għajnuna finanzjarja fi grants għall-istudenti. Dan nagħmluh għaliex nemmnu fil-ħiliet u l-abbiltajiet taż-żgħażagħ tagħna.”

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li s-setturi tradizzjonali ekonomiċi bħalma huma l-agrikoltura u s-sajd, minkejja kull avvanz teknoloġiku, jibqgħu setturi integrali għall-ekonomija ta’ kull pajjiż kemm f’Malta kif ukoll fil-gżira Għawdxija. Il-pandemija fakkritna fil-bżonn li, minkejja d-dinja globalizzata li ngħixu fiha llum, hu kruċjali li nieħdu ħsieb is-sovranità fuq il-proviżjoni tal-ikel. “Minkejja li s-setturi tal-biedja u s-sajd jibqgħu dejjem tradizzjonali, huma wkoll iservu ta’ mutur ekonomiku importanti għall-pajjiżna,” stqarr il-Ministru Refalo. 

Waqt il-business breakfast, saru żewġ diskussjonijiet bis-sehem ta’ diversi akkademiċi, sidien ta’ negozji u rappreżentanti ta’ diversi industriji, fost l-oħrajn. It-temi tad-diskussjonijiet kienu; ‘L-edukazzjoni: il-bażi tal-ekonomija l-ġdida tagħna’ u ‘L-industriji tradizzjonali: l-irwol importanti tagħhom fil-futur tagħna.’