Navigate Up
Sign In

Inawgurat apparat b’valur ta’ €70,000 fiċ-Ċittadella Visitors’ Centre għal persuni neqsin mill-vista u mis-smigħ

Reference Number: PR210257, Press Release Issue Date: Feb 08, 2021
 
Inawgurat apparat b’valur ta’ €70,000 fiċ-Ċittadella Visitors’ Centre għal persuni neqsin mill-vista u mis-smigħ

B’investiment ta’ madwar €70,000, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura apparat b’sistema sofistikata li jinkludi traduzzjoni u recording fi tmien lingwi għal persuni neqsin mill-vista u s-smigħ. L-apparat se jintuża fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi fiċ-Ċittadella sabiex anke jtejjeb l-esperjenza ta’ dawk kollha li jżuru dan il-post storiku fil-qalba tal-gżira tat-tliet għoljiet.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega kif, “B’dan l-investiment, dan iċ-ċentru se jkompli jsaħħaħ l-operat tiegħu, fejn fl-istess ħin qed jagħmilha aktar aċċessibbli biex aktar nies igawdu aħjar u jinteressaw ruħhom fl-istorja rikka ta’ gżiritna.”

F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur tal-Wirt Kulturali spjega kif dan kollu sar b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, is-CRPD u l-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija Informatika, il-FITA, li taw pariri tekniċi u appoġġ sħiħ lid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex matul il-proċess sħiħ tal-produzzjoni ta’ din is-sistema, li hi l-aħħar teknoloġija preżenti fis-suq. 

Il-Ministru Camilleri ħabbar ukoll kif il-kumpanija ta’ prominenza Ġermaniża Tonwelt qed tħares lejn din is-sistema bħala l-aktar waħda inklussiva u kompleta fis-suq. 

Il-Managing Director ta’ Sarner International Ross Magri spjega kif jaħdem u jintuża l-apparat. Sarner International hija l-kumpanija li ħolqot il-kunċett interattiv tal-esperjenza għall-viżitaturi u, barra li jagħmlu l-maintenance neċessarju għal dawn l-aħħar snin, baqgħu jagħtu wkoll pariri tekniċi kif tista’ tittejjeb l-esperjenza għat-turist.

Bħalissa għaddej it-taħriġ meħtieġ lill-ħaddiema sabiex joffru l-għajnuna lil min ikollu xi diffikultà juża dan l-apparat.