Navigate Up
Sign In

Jitnieda programm ta’ tnissil u rilaxx ta’ gamiem biex titkattar il-popolazzjoni tal-gamiem

Reference Number: PR210228, Press Release Issue Date: Feb 03, 2021
 
Jitnieda programm ta’ tnissil u rilaxx ta’ gamiem biex titkattar il-popolazzjoni tal-gamiem

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana flimkien mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), nedew programm ta’ tnissil u rilaxx ta’ gamiem f’Malta bil-għan li titkattar il-popolazzjoni tal-gamiem. Il-programm huwa ffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex. Preżenti għall-okkażjoni kien hemm fost l-oħrajn membri tal-FKNK, il-prinċipal tal-Kulleġġ ta’ Għawdex, il-kap tal-Iskola Primarja ta’ Sannat u tfal li jattendu l-istess skola.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li huwa wkoll responsabbli mill-Wild Birds Regulation Unit, qal li l-għan ta’ dan il-proġett iffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex hu li titkattar il-popolazzjoni tal-gamiem fis-selvaġġ, li hu l-unika għajnuna supplimentari li Malta tista’ tagħti biex tgħin il-popolazzjoni Ewropea tal-gamiem tiżdied. Il-Ministru Camilleri qal li, “L-iskola primarja u Special Unit ta’ Sannat, hija l-ewwel skola li qed tipparteċipa f’dan il-proġett”, u qal li jħares ’il quddiem sabiex għal darb’oħra jerġa’ jżur l-iskola meta l-frieħ jintelqu lura fis-selvaġġ u jkunu jistgħu jkomplu r-rotta migratorja tagħhom lejn pajjiżi oħra.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tkellmet dwar l-investiment infrastrutturali li qed isir fl-iskejjel kollha, anke f’Għawdex, fosthom l-iskola primarja l-ġdida li qed tinbena fir-Rabat b’investiment ta’ €10 miljun, proġett li jinkludi wkoll l-immodernizzar tal-Middle School tar-Rabat stess. Dan huwa parti minn programm massiċċ ta’ €50 miljun li l-gvern qed jinvesti fis-settur edukattiv ta’ uliedna fuq livell infrastrutturali. Il-Ministru Caruana faħħret lil dawk l-iskejjel, fosthom ta’ Sannat, li qed jagħtu sehem importanti lill-ambjent permezz tal-involviment f’Ekoskola biex l-istudenti jingħataw edukazzjoni ħolistika. “Din hija l-edukazzjoni li rridu nagħtu,” qalet il-Ministru Caruana, “Edukazzjoni li tkun aktar hands on u li niżguraw li l-istudenti tagħna jingħataw aktar possibilitajiet biex ikabbru l-għarfien tagħhom lil hinn mill-aspett tradizzjonali tal-edukazzjoni, imma li fuq kollox nipprovdu edukazzjoni li permezz tagħha wliedna jieħdu gost imorru fl-iskejjel tagħna biex jieħdu l-edukazzjoni tagħhom”.

F’dan il-proġett l-FKNK qed tiffinanzja l-ikel, b’dieta speċjali ta’ żrieragħ adattati għall-gamiem u supplimenti neċessarji.