Navigate Up
Sign In

Jitnedew il-Gozo Employment Refund Scheme u l-Gozo Teleworking Scheme sabiex jinħoloq aktar xogħol f’Għawdex – ikomplu jitwettqu l-miżuri tal-Baġit 2021

Reference Number: PR210222, Press Release Issue Date: Feb 03, 2021
 
Jitnedew il-Gozo Employment Refund Scheme u l-Gozo Teleworking Scheme sabiex jinħoloq aktar xogħol f’Għawdex – ikomplu jitwettqu l-miżuri tal-Baġit 2021


Jitnedew il-Gozo Employment Refund Scheme u l-Gozo Teleworking Scheme sabiex jinħoloq aktar xogħol f’Għawdex – ikomplu jitwettqu l-miżuri tal-Baġit 2021

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda żewġ skemi kruċjali favur il-ħolqien ta’ aktar xogħol fil-gżira Għawdxija. Il-Gozo Employment Refund Scheme u t-Teleworking Scheme huma żewġ miżuri tal-Baġit 2021 li mistennija jinkoraġġixxu lil min iħaddem sabiex joffri lill-impjegati Għawdxin kuntratt aktar stabbli, xieraq u fit-tul. 

Gozo Employment Refund Scheme

Il-Gozo Employment Refund Scheme għal sena oħra se tkun qed tikkumpensa salarji ta’ impjiegi ġodda. Il-Ministru Clint Camilleri esprima li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li matul is-sena li għaddiet, fl-2020, din l-iskema kienet waħda ta’ suċċess, fejn elenka li ġew sottometti aktar applikazzjonijiet mill-2018 u l-2019 flimkien. Spjega li, “Din hija skema li tippremja l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fi sfond ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi diffiċli madwar id-dinja kollha. Dan ikompli jixhed ir-reżiljenza tal-komunità Għawdxija kif ukoll l-impenn tal-gvern lejn is-sostenibbiltà tax-xogħol f’Għawdex”.

Id-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex Ronald Sultana qal li din l-iskema se toffri rimborż tas-salarju sa massimu ta’ €6,000 fuq medda ta’ 3 snin lill-kumpaniji li għandhom bażi f’Għawdex u li jimpjegaw nies ġodda mal-kumpanija matul is-sena 2021. Iżda, sabiex tiġi inċentivata stabbiltà fl-impjiegi, ir-rimborż mhux se jingħata b’mod ekwu kull sena. Fil-fatt, fit-tielet sena, ir-rimborż ikun iktar, jiġifieri ta’ €3,000.

Gozo Teleworking Scheme

Il-Gozo Teleworking Scheme kienet miżura oħra li tħabbret fl-aqwa baġit li qatt ġie ppreżentat f’pajjiżna. Din l-iskema se jibbenefikaw minnha l-kumpaniji bbażati f’Malta li joffru lill-ħaddiem jew lill-ħaddiema Għawdxin il-faċilità ta’ teleworking, sa massimu ta’ 10 ħaddiema fis-sena għal kull kumpanija. 

Il-Ministru għal Għawdex spjega li l-fond se jkun qed joffri inċentivi finanzjarji fuq żewġ binarji. L-ewwel se jkun rimborż parzjali ta’ 75% sa massimu ta’ €850 fuq spiża ta’ apparat teknoloġiku għal kull impjegat u t-tieni rimborż tas-salarju se jkun sa massimu ta’ €10,000 fuq medda ta’ 3 snin (li jkunu offruti fuq bażi pro-rata skont l-ammont ta’ ġranet fil-gimgħa li l-impjegat ikun assenjat telework).

Id-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku Ronald Sultana spjega wkoll li l-Ministeru għal Għawdex qed iħares lejn is-sostenibbiltà ta’ din l-iskema b’mod sensittiv. Dan għaliex dawk il-kumpaniji li joffru l-faċilità ta’ telework fit-tul, ser ikollhom rimborż annwali hekk kif ġej: fl-ewwel sena massimu ta’ €3,000, fit-tieni sena massimu ta’ €3,000 u fit-tielet sena massimu ta’ €4,000.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kkonkluda li dawn iż-żewġ skemi flimkien ma’ skemi oħra li tnedew qed ikomplu jgħinu bil-fatti sabiex ikompli jiġi ġġenerat aktar xogħol ta’ kwalità u sostenibbli f’Għawdex.