Navigate Up
Sign In

Iffirmat il-ftehim biex jibda l-proġett ta’ Riġenerazzjoni ta’ Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat b’valur ta’ €3.7 miljun

Reference Number: PR210126, Press Release Issue Date: Jan 25, 2021
 
Iffirmat il-ftehim biex jibda l-proġett ta’ Riġenerazzjoni ta’ Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat b’valur ta’ €3.7 miljun

 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ppresjeda fuq l-iffirmar ta’ ftehim li permezz tiegħu se jiskatta l-proċess biex tiġi riġenerata Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat b’ investiment ta’ madwar  €3.7 miljun. Bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim flimkien mal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat, dan il-proġett se jara diversi xogħlijiet kruċjali li se jtejbu l-kwalità ta’ ħajja tar-residenti. 

Il-Ministru Clint Camilleri spjega kif, “wara li tranġat Triq Sannat u l-madwar, dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza huwa prijorità għall-Ministeru għal Għawdex u għall-Kunsill Lokali Ta’ Sannat sabiex tittejjeb l-aċċessibbiltà f’din il-pjazza, li hija waħda mill-akbar spazji miftuħa f’Għawdex.” Huwa elenka x-xogħlijiet li se jsiru fir-riġenerar ta’ din il-pjazza, fosthom il-bini ta’ culverts biex minnhom jgħaddu s-servizzi kollha; bini ta’ culverts għall-ilma tax-xita; pavimentar u wiċċ ġdid għall-pjazza; arranġament tal-parkeġġ; żoni pedonali u l-mogħdija għat-traffiku; street furniture ġdida u sistema ta’ dawl ġdida. 

Is-Sindku ta’ Ta’ Sannat Philip Vella rringrazzja lill-Ministru għal Għawdex li tant qiegħed jaħdem sabiex itejjeb l-irħula Għawdxin bil-proġetti infrastrutturali, u issa jħares ’il quddiem sabiex jibda dan il-proġett tant essenzjali li se jtejjeb iċ-ċentru tal-lokalità ta’ Ta’ Sannat.

Din il-pjazza hija waħda mill-akbar żoni pubbliċi f’Għawdex, hekk kif apparti li fiha hemm il-Knisja pittoreska ta’ Santa Margerita, din isservi wkoll bħala triq prinċipali bejn Ta’ Ċenċ u Triq Dun Xand Aquilina.