Navigate Up
Sign In

Dan il-gvern ma jagħmilx differenza bejn Għawdex u Malta f’dawk li huma servizzi soċjali u kull għajnuna oħra

Reference Number: PR202616, Press Release Issue Date: Dec 18, 2020
 
Dan il-gvern ma jagħmilx differenza bejn Għawdex u Malta f’dawk li huma servizzi soċjali u kull għajnuna oħra

 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fetaħ il-konferenza ‘Is-servizzi soċjali ... m’għandhomx jieqfu ċ-Ċirkewwa’, organizzata mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u mill-Ministeru għal Għawdex. Il-Ministru Camilleri qal li s-servizzi soċjali b’risq persuni vulnerabbli huma mhux biss estiżi f’Għawdex imma tal-istess kwalità bħal Malta. 

Dan filwaqt li rringrazzja lill-Ministru Michael Falzon għall-ħidma tiegħu u qal li, “Il-kollaborazzjoni interministerjali bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal inqisha ta’ importanza kbira biex inkomplu naħdmu flimkien u nimxu ’l quddiem għall-ġid tas-soċjetà tagħna, b’mod partikolari tal-Għawdxin u ta’ dawk li jkunu jeħtieġu l-għajnuna tagħna kemm jekk Maltin jew barranin”.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri tkellem dwar il-kollaborazzjoni ministerjali u elenka:

1) L-iskema ta’ taħriġ għall-vulnerabbli li tnediet ftit tal-jiem ilu fejn il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed     jalloka s-somma ta’ €300,000 lill-FSWS għall-ewwel sena tat-taħriġ, jiġifieri fl-2021
2) Il-ftehim sabiex issir akkomodazzjoni adekwata għall-homeless
3) U l-konferenza stess li turi kemm din il-ħidma konġunta bejn il-ministeri hija essenzjali

Qal li dan il-gvern ħadem ħafna biex Għawdex mhux biss ma jibqax jitqies tat-tieni klassi imma jsir mutur ekonomiku. Żied jgħid li dan ma kienx biżżejjed u konxju mir-realtajiet soċjali, il-ħidma tal-gvern fil-qasam soċjali, fosthom l-akkomodazzjoni soċjali, ġiet estiża għall-gżira Għawdxija.

Barra minn hekk, il-Ministru Clint Camilleri spjega li minkejja t-tkabbir ekonomiku u t-tnaqqis fil-livell tal-faqar, trid tkompli tingħata importanza lill-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli. Semma li dan il-gvern qed jaħdem ħafna biex ikompli jtejjeb is-sistema edukattiva u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda. Madanakollu, irrimarka li għad hawn individwi minn ċerti gruppi vulnerabbli jiffaċċjaw sfidi u żvantaġġi partikolari minħabba s-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tagħhom u l-għan tal-gvern huwa li jaħdem sabiex jgħin lil dawn l-individwi.

Il-Ministru Camilleri qal li l-għan tal-Ministeru għal Għawdex huwa li tibqa’ ssir kollaborazzjoni mal-ministeru responsabbli mis-servizzi soċjali u għalhekk mal-FSWS, kif tixhed din il-konferenza. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kkonkluda li, “Il-missjoni tagħna tibqa’ fuq kollox li Għawdex u niesu jkunu prijorità”.

Fost dawk li indirizzaw din il-konferenza kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti, id-Direttur tal-Operat tal-Fondazzjoni Mons. Joseph Vella Gauci u l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Theuma.