Navigate Up
Sign In

Allokata s-somma ta’ €300,000 lill-FSWS għall-2021 biex jibda programm ta’ taħriġ għal persuni li qed ifittxu impjieg

Reference Number: PR202459, Press Release Issue Date: Dec 18, 2020
 
Allokata s-somma ta’ €300,000 lill-FSWS għall-2021 biex jibda programm ta’ taħriġ għal persuni li qed ifittxu impjieg

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ippresedew fuq l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS). B’dan il-ftehim, permezz tad-Direttorat tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali għal Għawdex, se jkun offrut programm ta’ taħriġ u ta’ integrazzjoni immirat biex isaħħaħ l-inklussività u l-għajxien indipendenti. Dan jibni fuq programmi oħra offruti mid-Direttorat tal-FSWS għal Għawdex fil-komunità u f’ambjenti residenzjali.

It-taħriġ għall-impjiegi u l-intraprenditorija huwa metodoloġija u sett ta’ għodod għat-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u l-aċċessibilità għas-suq tax-xogħol għal gruppi vulnerabbli. Din il-metodoloġija hija bbażata fuq taħriġ ta’ 36 xahar.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li għal dan l-għan, “Il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jalloka s-somma ta’ €300,000 lill-FSWS għall-ewwel sena tat-taħriġ, jiġifieri fl-2021”. Huwa qal li għalkemm għandna tkabbir ekonomiku u tnaqqis fil-livell tal-faqar, irridu nkomplu nagħtu importanza lill-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli. Semma li dan il-gvern qed jaħdem ħafna sabiex ikompli jtejjeb is-sistema edukattiva u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda. Madanakollu qal li, “Aħna nirrikonoxxu wkoll li għad hawn individwi minn ċerti gruppi vulnerabbli jiffaċċjaw sfidi u żvantaġġi partikolari minħabba s-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tagħhom u l-għan tagħna huwa li naħdmu sabiex ngħinu lil dawn l-individwi”.

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif irridu nkomplu nħeġġu aktar żgħażagħ jemmnu aktar fihom infushom u permezz ta’ għajnuna bħal din ifittxu opportunitajiet ta’ xogħol. Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-programm ta’ taħriġ huwa eżempju ċar ta’ twettiq ta’ ġustizzja soċjali speċjalment ma’ persuni meqjusa vulnerabbli.