Navigate Up
Sign In

Baġit li ser jirriflettti s-saħħa ta’ djalogu soċjali trasparenti, miftuħ u onest għall-ħarsien tal-ħaddiema u min iħaddem

Reference Number: PR202012, Press Release Issue Date: Oct 17, 2020
 
Baġit li ser jirriflettti s-saħħa ta’ djalogu soċjali trasparenti, miftuħ u onest għall-ħarsien tal-ħaddiema u min iħaddem

 
Lejlet il-Baġit, Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, responsabbli fost l-oħrajn mid-djalogu soċjali, Carmelo Abela flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizzaw l-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) f’Għawdex, b’appell biex dan ir-reġjun juża aħjar l-ekonomija l-blu u l-ekonomija ħadra. Fl-appell tagħhom huma saħqu fuq l-importanza tas-sostenn tal-innovazzjoni fl-agrikoltura, tat-taħriġ fis-settur tat-turiżmu għal servizz aqwa u fuq li Għawdex jiġbed lejh kumpaniji ta’ innovazzjoni diġitali u digital nomads. 
 
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela, semma’ li dan il-Gvern wiegħed djalogu mal-imsieħba soċjali ta’ natura trasparenti, miftuħa u onesta, għal ħarsien kemm tas-settur tal-ħaddiema u anke min iħaddem. Hekk sar, mhux biss fejn jidħlu l-konsultazzjonijiet fuq il-Baġit 2021, imma anke b’rabta ma’ diskussjonijiet fuq il-pandemija tal-Covid-19. Djalogu soċjali b’saħħtu li mhux talli wassal għall-ħarsien tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u s-salvazzjoni tal-impjiegi matul il-pandemija, imma għal Baġit 2021, li ser ikun wieħed li permezz tal-miżuri tiegħu ser jirrifletti r-riżultati miksuba b’ħidma kollettiva.  
 
Carmelo Abela tkellem ukoll fuq il-potenzjal ekonomiku ta’ Għawdex. Semma’ kif il-potenzjal ta’ Għawdex ma jiġix waħdu u għalhekk hemm bżonn li lkoll flimkien – Gvern, imsieħba, imprendituri u l-Għawdxin u l-Maltin kollha – jixprunaw it-tkabbir f’Għawdex, tkabbir li jkun sostenibbli: ekonomikament, soċjalment u fuq livell ambjentali.  
 
Hawn huwa semma’ l-qasam ambjentali, opportunità fejn l-oqsma tal-ekonomija l-ħadra u l-ekonomija l-blu jridu jiġu studjati aktar sabiex Għawdex jigbed lejh investituri barranin għal riċerka u ttestjar f’dawn l-oqsma. Dan filwaqt li jiġu mpoġġija għodda, infrastruttura u fondi f’idejn żgħażagħ u anke imprendituri stabbiliti Għawdxin biex ikunu jistgħu jimirħu lejn niċeċ ġodda. 
 
Il-ministru saħaq li s-sostenibbiltà tidħol ukoll fl-aspetti tradizzjonali. “Waħda mill-affarijiet li nistgħu niffokaw fih, Għawdex b’mod speċjali, huwa s-settur tal-agrikoltura u għaldaqstant hemm bżonn li jsir sforz nazzjonali biex dan il-qasam nippreżentawh b’mod ġdid anke għaliex irridu naraw li jkollna food security b’mod speċjali fi żminijiet ta’ pandemija”, qal il-ministru.
 
Carmelo Abela qal li huwa importanti li nkomplu bl-isforzi taghna ħalli Għawdex ikompli jiġbed lejh aktar kumpaniji fil-qasam tal-informatika, ICT u innovazzjoni diġitali. Fil-konklużjoni tiegħu huwa rrefera għal Għawdex li qed jiġbed lejh dawk li jissejħu digital nomads, ħaddiema internazzjonali li jagħmlu sub-contracting jew biċċiet tax-xogħol għal rashom u li jistgħu jgħixu fejn jixtiequ fid-dinja.
 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-Gvern qed jaħdem ħafna fejn tidħol l-aċċessibbiltà. Stqarr li huwa essenzjali li nagħrfu b’mod konkret l-isfidi li l-Għawdxin għandhom minħabba l-insularità doppja u ninvestu bla preċedent fil-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer. Clint Camilleri kompla jgħid li huwa għalhekk li dan il-Gvern jinsab impenjat li jwettaq il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex. Din il-mina se tkun qed toffri ħafna vantaġġi għall-Għawdxin li jaqsmu l-fliegu biex imorru għax-xogħol kuljum. Spjega wkoll kif barra s-soluzzjoni long-term tal-mina, qed issir ħidma biex jiddaħħal is-servizz ta’ fast ferry, żdied ir-raba’ vapur u mill-bidu ta’ Ottubru tnediet ir-rotta ġdida tat-trasport pubbliku bl-isem X300, li qed tgħaqqad it-Terminal fiċ-Ċirkewwa mal-Università u l-Isptar Mater Dei, G.F. Abela Junior College u l-Belt Valletta. 

Il-Ministru Camilleri spjega li jeħtieġ niddiversifikaw biex Għawdex ma jiddipendix biss mit-turiżmu, filwaqt li nkomplu ninvestu fl-infrastruttura, u nkomplu naħdmu fuq l-infrastruttura diġitali. Huwa stqarr li għaddejjin l-aħħar preparamenti sabiex il-fibre optic cable jibda jiffunzjona sal-aħħar ta’ din is-sena. Clint Camilleri spjega kif permezz ta’ din l-infrastruttura nistgħu nibdew nattiraw swieq li llum m’għandniex u nġibu investimenti f’din il-gżira b’infrastruttura li tħajjar lil dak li jkun. Kompla jgħid li l-investituri jkunu jistgħu jinvestu f’din il gżira u joħolqu aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin u xogħol ta’ kwalità. 

Il-Ministru Camilleri rrimarka li Għawdex dan is-sajf kellu turiżmu intern anki permezz ta’ inċentivi li ħa dan il-Gvern u li minkejja li Għawdex dan is-sajf kien l-għażla naturali tal-Maltin, “komplejna ngħinu billi f’Lulju naqqasna n-nollijiet bin-nofs sabiex Għawdex jingħażel għal vaganza mhux fi tmiem il-ġimgħa biss imma matul il-ġimgħa kollha.” Il-Ministru Camilleri spjega li l-wage suppliment għen ħafna negozji u li s-sistema tal-vouchers li kienet waħda suċċess ma għenitx biss il-familji jiffrankaw iżda salvat in-negozji Maltin u Għawdxin u għadd ta’ xogħlijiet fis-settur tat-turiżmu u negozju. Huwa temm jgħid li se nkomplu nħarsu ‘l quddiem għal aktar laqgħat mal-imsieħba soċjali u iżjed ħidma għall-ġid ta’ Għawdex u l-Għawdxin.
 
Wara nofsinhar, il-Ministri Carmelo Abela u Clint Camilleri għamlu żjara lill-Kunsill Lokali tax-Xewkija u lill-Għaqda Mhux Governattiva Dream of Horses ġewwa x-Xagħra. Hawn huma semgħu l-kummenti u l-ħsibijiet tagħhom għal iżjed żvilupp soċjali u ekonomiku f’Għawdex.