Navigate Up
Sign In

Żvilupp important fil-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex – toħroġ il PQQ

Reference Number: PR200029, Press Release Issue Date: Jan 09, 2020
 
Żvilupp important fil-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex – toħroġ il PQQ

 
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbru li Infrastructure Malta ħarġet sejħa għall-kumpaniji jew konsorzji li huma interessati biex jipparteċipaw fl-ewwel stadju minn proċess ta’ tliet stadji sabiex jiġi identifikat liem konċessjonarju ser jiddisinja, jibni, jiffinanzja, jopera u jagħmel manutenzjoni għall-mina bejn Malta u Għawdex. Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri u s-Sinjur Franco Mercieca, Chairman tal-Malta Gozo Tunnel Steering Committee kienu wkoll preżenti. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi għamel preżentazzjoni teknika fuq l-aħħar żviluppi tal-proġett tal-mina, inkluż il-proċess tas-selezzjoni tal-konċessjunarju li qed tiġi mnedija din il-ġimgħa.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Bħala poplu ta’ gżira dejjem konna konxji dwar l-isfida tal-konnettività. Għalhekk il-poplu Malti u Għawdxi, il-gvernijiet ta’ dan il-pajjiż għal żmien twil ħassew li l-Għawdxin għandu jkollhom din il-konnessjoni permanenti. Illum wasalna f’punt importanti u bla preċedent għax qed naħdmu fuq viżjoni li tara lil Malta u Għawdex iktar viċin xulxin. U nagħrfu l-importanza ta’ dan l-impenn. Għaldaqstant bil-mod ta’ kif inħarġet din is-sejħa, irridu niżguraw li min jersaq ‘il quddiem ikollu l-kapaċitajiet biex jagħtina proġett sostenibbli u bl-aqwa standards.”

Dawk interessati għandhom tliet xhur, sal-Ħamis 9 ta’ April 2020, biex jirrispondu pre-qualification questionnaire (PQQ) biex juru li għandhom l-esperjenza fi proġetti simili ta’ mini, filwaqt li juru li għandhom rekord tajjeb fir-rigward tal-ambjent u tas-saħħa u s-sigurtà. Huma jridu juru wkoll li għandhom il-ħiliet tekniċi u s-saħħa finanzjarja biex jimplimentaw b’suċċess dan il-proġett.

“Irridu noħolqu aktar opportunitajiet għall-Għawdxin u nagħtuhom iċ-ċertezza li hu x’inhu t-temp jistgħu jaqsmu bejn il-gżejjer għat-traġitt li ħafna jagħmlu ta’ kuljum, bosta drabi aktar minn darba. Aħna nifhmu u naprezzaw li l-proġett iġib miegħu numru ta’ diskussjonijiet u għalhekk hemm numru ta’ salvagwardji ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Imma jeħtieġ li l-ħidma tkompli bis-sħiħ favur din l-infrastruttura importanti li qed issir bi spirtu soċjali fuq il-prinċipji tal-ekwità,” għalaq il-Ministru Ian Borg.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana tkellmet dwar il-missjoni tal-Ministeru għal Għawdex biex Għawdex ikun tassew fiċ-entru tal-ħidma tal-Gvern u l-impenn tal-Gvern favur dan il-proġett hu sinjal ċar ta’ dan. Hija ddeskriviet il-proġett bħala wieħed mill-ikbar li qatt kellu pajjiżna u sostniet li Għawdex għandu potenzjal enormi u li l-ħidma tal-Gvern diġà qed tħalli l-frott. Danhekk kif skont statistika riċenti, f’sena it-tkabbir ekonimiku f’Għawdex żdied bi 13%, inħoloq xogħol bla preċedent f’Għawdex għall-Għawdxin u t-turiżmu f’Għawdex kiber sostanzjalment. 

“Is-suċċess li ksibna mhux biss irridu nsostnuh imma rridu nkabbruh. F’dan il-kuntest, l-aċċessibilità hija kruċjali u għalhekk il-proġett tal-mina huwa game-changer favur aktar investiment, aktar negozju u ħajja ta’ kwalità għall-Għawdxin. Dan il proġett huwa fiċ-ċentru tal-istrateġija għall-iżvilupp reġjonali għal Għawdex biex Għawdex jilħaq tassew il-potenzjal u l-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin” għalqet il-Ministru Caruana.

Is-sejħa għal din il PQQ kienet imħabbra internazzjonalment din il-ġimgħa fil-ġurnal tal-Unjoni Ewropea. Id-dokumentazzjoni u l-formoli tas-sottomissjoni huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tas-sistema tal-akkwisti tal-Gvern – www.etenders.gov.mt (IMO49/2019). It-tul tal-konċessjoni jiġi determinat fl-aħħar stadji tal-proċess. Fl-aħħar tal-perjodu tal-konċessjoni, min ikun ħa l-konċessjoni jrid jitrasferixxi l-infrastruttura tal-mini lill-Gvern.

Il-mina bejn Malta u Għawdex tinkludi l-iżvilupp ta’ mina tul ta’ 14 il-kilometru, parti minnha taħt il-baħar, u li takkomoda żewġ korsiji, waħda f’kull direzzjoni a spazju ċentrali sabiex ikun hemm post biex igħaddu vetturi tal-emerġenza.

Il-pjanijiet tal-mina bejn Malta u Għawdex bdew diversi snin ilu. Fl-2018, Infrastructure Malta ħarġet pre-information notice, li ħabbret l-intenzjoni ta’ tnedija ta’ proċess kompetittiv biex jiġu kkonfermati konċessjonarji li jixtiequ jiżviluppaw din l-infrastruttura. Matul l-istess sena, l-aġenzija qabbdet tim ta’ esperti indipendenti approvati mill-awtoritajiet tal-ippjanar u tal-ambjent biex jagħmlu studju estensiv fuq impatti ambjentali li jista’ jkollu l-proġett. Fl-2019, intensifika ix-xogħol fuq l-istudji preliminari li kien hemm bżonn sabiex jiġi imniedi dan il-proċess.