Navigate Up
Sign In

Aktar minn €70,000 mgħoddija lill-għaqdiet Għawdxin

Reference Number: PR200028, Press Release Issue Date: Jan 08, 2020
 
Aktar minn €70,000 mgħoddija lill-għaqdiet Għawdxin


Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana preżentat aktar minn €70,000 lil 16-il għaqda volontarja li applikaw għall-għajnuna taħt l-iskema Ministry for Gozo Non-Governmental Organisations Assistance Scheme, kif ukoll l-iskema Promotion of Sports, Initiatives and Facilities Scheme.

Il-Ministru Caruana spjegat kif l-ewwel l-iskema ġiet introdotta f' Lulju tal-2017, u minn dakinhar in-numru ta' applikazzjonijiet baqa' dejjem jikber. "Din hi skema trasparenti u regolarizzata intiża biex tassisti lil għaqdiet volontarji li jkunu se jimplimentaw xi proġetti, avvenimenti u inizjattivi f'Għawdex. Hija skema li giet imfaħħra mill-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, u qed isservi ta' ġid kbir biex isiru proġetti fil-komunità u jissaħħaħ il-volontarjat f'Għawdex," qalet il-Ministru Justyne Caruana.

Justyne Caruana qalet ukoll li, minn għada, ser jerġgħu jiftħu dawn l-iskemi; Ministry for Gozo Non-Governmental Organisations Assistance Scheme, kif ukoll il-Promotion of Sports, Initiatives and Facilities. Dan wara li ġew riveduti l-kriterji ta'eliġibilità sabiex aktar għaqdiet volontarji jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom, u b'hekk jitwettqu aktar proġetti u inizjattivi b'risq il-komunità Għawdxija.

Dwar l-iskema Promotion of Sports, Initiatives and Facilities Scheme, il-Ministru Caruana spjegat li din hija mmirata għall-għaqdiet sportivi, biex ikompli jissaħħaħ dan is-settur f'Għawdex u jkomplu jitjiebu l-ħiliet tal-isportivi Għawdxin.

Il-Ministru għal Għawdex ferħet lill-għaqdiet li pparteċipaw b'suċċess, filwaqt li stiednet lil aktar għaqdiet biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom fis-sejħiet il-ġodda. Il-Ministru għal Għawdex qalet li din l-għajnuna hija sinjal ċar ta' fiduċja fil-ħidma volontarja f'Għawdex u fil-persuni li jsawru l-għaqdiet u li jaħdmu bla heda u mingħajr interessi.