Navigate Up
Sign In

Jitwaqqaf il-Gozo Artisan Network - proġett pilota sabiex tinħoloq marka ta’ kwalità

Reference Number:  PR202068 , Press Release Issue Date: Oct 26, 2020
 
Jitwaqqaf il-Gozo Artisan Network - proġett pilota sabiex tinħoloq marka ta’ kwalità 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fejn matulha sar l-iffirmar u twaqqaf uffiċjalment il-Gozo Artisan Network - Assoċazzjoni ta’ artiġjana Għawdxin li ser jingħaqdu flimkien sabiex isaħħu s-settur u jkunu jistgħu joħolqu marka ta’ kwalità ċertifikata għall-prodotti tagħhom.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-ewwel prijoritajiet ta’ din l-assoċjazzjoni se jkunu li tniedi sejħa pubblika għall-artiġjana f’Għawdex li jixtiequ jissieħbu fiha, u li tibda torganizza ruħha sabiex il-membri tagħhom jibbenefikaw mill-opportunitajiet li ġġib magħha inizjattiva bħal din. Hu sostna li “huwa importanti li jkollna sistema organizzata sabiex il-prodott ikun irreklamat u jinbiegħ bħala wieħed ta’ kwalità. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li l-prodott inżidulu l-valur.” Huwa kompla jispjega li l-Gozo Artisan Network qed jiġi stabbilit permezz ta’ proġett pilota fi ħdan il-proġett Interreg Europe Destination SMEs. Il-Proġett Destination SMEs huwa ffinanzjat mill-fondi tal-Interreg Europe Programme 2014-2020, beda f’Marzu tal-2016 u ser jiġi fit-tmiem tiegħu f’Marzu 2021. Il-Ministeru għal Għawdex qed jieħu sehem f’dan il-proġett ma’ 6 partners oħra li huma - Regional Tourist Development Board of Auvergne – Franza, Grand Paradis Foundation – Italja, Cork County Council – Irlanda, Regional Council of North Karelia – Finlandja, Vidzeme Planning Region – Latvja u Institute for Culture, Tourism and Sport Murska Sobota – Slovenja.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-proġett ffinanzjat mill-Interreg Europe sar b’kollaborazzjoni ma’ benefiċjarji minn reġjuni f’pajjiżi oħra Ewropej. Hu saħaq li din il-kollaborazzjoni tat l-opportunità lill-Ministeru għal Għawdex li jibbenefika minn proġett pilota, li permezz tiegħu ssawret assoċċjazzjoni li se tkun qed tqarreb aktar nies u ażjendi flimkien biex nagħtu valur lill-prodotti Għawdxin. Din l-assoċjazzjoni se tkun qed toħloq marka ta' kwalità biex nagħtu valur għal prodotti li huma tagħna u b’hekk inkunu nistgħu npoġġu isem pajjiżna fuq livell internazzjonali. Hu kkonkluda billi qal li l-Ministeru għal Għawdex ħa madwar €208,471 biex seta’ jsir dan l-investiment li nqasam fi tliet fażijiet; issawret policy, pjan ta’ azzjoni mibnija fuq ir-riżultati ta’ din il-policy u wara ġie applikat il-proġett pilota biex jitwettaq dan il-pjan.

Il-Gozo Artisan Network se jiġbor fih nies professjonali u ta’ esperjenza li jaħdmu fil-qasam tal-arti u l-artiġjanat, u prodotti oħrajn magħmula b’mod artiġjanali. Fi ħdan din l-assoċjazzjoni, li qed tkun regolata permezz ta’ statut, qed titnieda wkoll tikketta ta’ kwalità marbuta mat-territorju Għawdxi. L-assoċjazzjoni fi ħdan il-proġett pilota hija magħmula minn ħames membri li jirrappreżentaw is-settur tal-arti u l-artiġjanat, u prodotti artiġjanali oħrajn f’Għawdex. L-għan aħħari ta’ dan il-proġett pilota huwa li wara li l-assoċjazzjoni u l-marka ta’ kwalità jiġu stabbiliti, nies oħrajn li jaħdmu f’dan is-settur f’Għawdex u li jipproduċu prodotti ta’ kwalità jkunu jistgħu jingħaqdu bħala membri u jibbenefikaw mis-sapport u l-promozzjoni ta’ network uffiċjali. Il-membri fi ħdan din l-assoċjazzjoni jkunu jistgħu jaħdmu u jippromwovu l-intrapriżi żgħar tagħhom bħala parti mid-destinazzjoni ta’ Għawdex kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li jħares ’il quddiem biex jara li dan il-proġett iħalli l-frott u li dan is-settur ikompli jifjorixxi. Il-Ministeru għal Għawdex hu lest li jibqa’ joffri s-sapport tiegħu sabiex dan in-network u l-marka ta’ kwalità jsiru parti integrali mill-prodott turistiku li joffri Għawdex.