Navigate Up
Sign In

Iċ-Ċittadella u ċ-Ċentru tal-Viżitaturi jingħataw it-‘Travellers’ Choice Award’ minn TripAdvisor

Reference Number: PR201668, Press Release Issue Date: Sep 11, 2020
 
Iċ-Ċittadella u ċ-Ċentru tal-Viżitaturi jingħataw it-‘Travellers’ Choice Award’ minn TripAdvisor

 
Waqt żjara li għamel lill-ħaddiema fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-istess Ċittadella, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li f’dawn l-aħħar jiem, kemm iċ-Ċittadella kif ukoll iċ-Ċentru għall-Viżitaturi ġew onorati bl-aqwa unuri possibbli minn TripAdvisor. 

Il-Ministru Camilleri qal li ż-żewġ attrazzjonijiet li huma taħt il-ħarsien tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, ġew innominati u magħżula bħala ‘Travellers’ Choice 2020’ fost mijiet ta’ attrazzjonijiet oħra. Dawn l-unuri prestiġjużi jingħataw wara li jiġu miflija eluf ta’ kummenti mgħoddija mill-istess viżitaturi nfushom li jkunu żaru l-attrazzjoni partikolari. Unuri bħal dawn jinġħataw lill-aqwa 10% tal-postijiet li jirċievu kummenti pożittivi, kemm għad-dehra u l-prodott tagħhom, kif ukoll l-operat u s-servizz ta’ kwalità li joffru. 

Il-Ministru għal Għawdex stqarr li statistiċi tat-turiżmu juru li matul is-snin, iċ-Ċittadella kienet u baqgħet l-attrazzjoni ewlenija tal-Gżira Għawdxija fejn hu stmat li madwar miljun viżitatur iżuruha kull sena. Huwa spjega kif wara diversi proġetti ta’ restawr u riġenerazzjoni li saru matul dawn l-aħħar snin, wieħed seta’ jinnota żieda sostanzjali fin-numru ta’ viżitaturi, kemm lokali kif ukoll turisti, fil-Gran Kastell u l-Belt il-Qadima tal-gżira Għawdxija, u dan  f’diversi ħinijiet tal-ġurnata. Hawnhekk spjega li għalkemm l-imxija tal-COVID-19 naqqset drastikament dawn in-numri, iċ-Ċittadella xorta baqgħet tattira lejha numru konsiderevoli ta’ nies li jużaw dan l-ispajzu miftuħ għas-serħan u l-mistrieħ tagħhom. Dan filwaqt li semma kif f’dan iż-żmien ta’ sfidi partikolari, il-Ministeru għal Għawdex ħa ħsieb biex b’mod regolari jiddiżinfetta dan is-sit pubbliku sabiex jassigura s-saħħa pubblika ta’ dawk kollha li jagħmlu użu minn dan il-post.  

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kompla jgħid li attrazzjoni oħra li rnexxielha tirbaħ it-‘Travellers’ Choice Award’ għat-tielet sena konsekuttiva hija ċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella. Din l-attrazzjoni, li tinsab f’żewġ ġibjuni ta’ żmien l-Ingliżi, eżattament fid-daħla taċ-Ċittadella, tattira lejha mijiet ta’ persuni fejn toffrilhom esperjenza unika. 

Id-Direttur għall-Wirt Kulturali John Xuereb qal li f’dan iċ-ċentru wieħed isib mhux biss tagħrif dwar id-diversi aspetti taċ-Ċittadella, iżda fuq kollox jista’ jifhem aħjar l-iżvilupp ta’ din l-belt fortifikata matul il-mixja tas-snin permezz ta’ filmat muri fuq il-ħitan oriġinali tal-istess ġibjuni. 

Il-Ministru Camilleri spjega li, “matul dawn l-aħħar xhur il-Ministeru għal Għawdex ħa ħsieb jinvesti madwar €70,000 f’teknoloġija riċenti sabiex jagħmel dan iċ-ċentru aktar aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl jew mis-smigħ. Dan kollu sar b’konsultazzjoni ma’ entitajiet nazzjonali fosthom ic-CRPD u l-FITA”.

Il-ministru temm billi rringrazzja lid-Direttorat għall-Wirt Kulturali u l-ħaddiema kollha fi ħdanu tal-impenn u x-xogħol kontinwu tagħhom sabiex attrazzjonijiet bħalma huma ċ-Ċittadella u ċ-Ċentru tal-Viżitaturi jinżammu fl-aqwa stat possibbli u jkomplu jgħollu l-livell tal-prodott turistiku ta’ pajjiżna.