Navigate Up
Sign In

Il-Kabinett tal-Ministri jiltaqa’ fil-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija, Għawdex

Reference Number: PR201733, Press Release Issue Date: Sep 15, 2020
 
Il-Kabinett tal-Ministri jiltaqa’ fil-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija, Għawdex

 
“Il-viżjoni ta’ dan il-Gvern hi li Għawdex ikun mutur ewlieni ta’ tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna bla ma jitlef mill-karatteristiċi li tant jagħmluh partikolari u sabiħ” - Il-Prim Ministru Robert Abela 

Il-Prim Ministru Robert Abela nieda l-viżjoni ta’ dan il-Gvern biex Għawdex ikun il-mutur ewlieni ta’ tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna bla ma jitlef mill-karatteristiċi li tant jagħmluh partikolari u sabiħ. 

Dr Abela ħabbar dan waqt laqgħa tal-Kabinett li sejjaħ dalgħodu fil-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija Għawdex li matulha sema’ wkoll il-ħsibijiet tal-Għawdxin permezz ta’ bosta entitajiet li jirrappreżentaw lill-poplu Għawdxi. 

Il-Prim Ministru talab lill-aġenziji kollha, fosthom lill-Malta Enterprise, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Bank Malti għall-Iżvilupp sabiex jinvolvu ruħhom direttament fl-istrateġija favur Għawdex li għandha tiġi implimentata flimkien mal-aġenżija ġdida għall-iżvilupp reġjonali li waqqfana.

Huwa rrimarka li mill-2013 ’l hawn pajjiżna kellu tkabbir ekonomiku medju ta’ 9.2% fis-sena, iżda baqa’ ħafna potenzjal x’nimmasimizzaw. 

Qal li mill-2012 ’l hawn, l-ammont ta’ residenti Għawdxin li jaħdmu żdied b’aktar minn 4,100. Dan ifisser li kull ġimgħa fl-aħħar sitt snin kien hemm żieda ta’ madwar 13 persuna jaħdmu. Din hija aktar mid-doppju taż-żieda li kienet osservata qabel. Il-parti l-kbira ta’ din iż-żieda kienet f’postijiet tax-xogħol f’Għawdex stess. 

“Fil-fatt, fl-aħħar sitt snin, kull ġimgħa kien hemm żieda ta’ 10 impjiegi, b’kuntrast għal tnejn qabel l-2013. Din hija l-aqwa konferma li l-Gvern qed iwettaq il-wegħda ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin”, qal il-Prim Ministru waqt li nnota kif tul il-pandemija, il-miżuri li ħa l-Gvern wasslu biex iż-żieda fil-qgħad tkun ferm aktar limitata tant li ż-żieda relattiva fin-numru ta’ dawk jirreġistraw kienet terz dik f’Malta. 

Huwa żied jinnota wkoll li n-negozji li joperaw f’Għawdex fis-settur turistiku gawdew bil-kbir bil-miżuri li ħa l-Gvern favur il-konsum domestiku, speċjalment il-vouchers waqt li l-azjendi f’oqsma oħra li kellhom bżonn l-għajnuna ngħataw id-doppju ta’ azjendi fl-istess oqsma imma li joperaw minn Malta. 

Il-Prim Ministru qal ukoll li hija prijorità ta’ din l-amministrazzjoni li l-ekonomija Għawdxija tkompli tiddiversifika. Dan għaliex Għawdex ma jistax jibqa’ jiddependi mis-settur pubbliku u t-turiżmu kif kien tħalla taħt gvernijiet preċedenti. 

“Iż-żgħażagħ Għawdxin huma fost l-aktar li jkomplu l-edukazzjoni terzjarja u għalhekk l-istrateġija ta’ gvernijiet preċedenti kienet mhux biss inġusta imma kienet tfisser ħela kbir ta’ riżorsi umani”, qal il-Prim Ministru. 

Huwa żied jgħid li l-viżjoni ta’ dan il-gvern hija li Għawdex ikun mutur ewlieni ta’ tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. “Dan ma jfissirx li l-ġżira se titlef dawk il-karatteristiċi li tant jagħmluha partikolari u sabiħa. It-tkabbir ekonomiku Għawdxi ser ikun tkabbir diġitali u ambjentalment sostenibbli”, qal il-Prim Ministru.

Waqt li saħaq li l-Gvern se jkompli jaħdem biex itejjeb il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, Dr Abela sostna li Għawdex jagħtina l-akbar opportunità biex nuru kif l-ekonomija u l-ambjent jikkumplimentaw lil xulxin.

“Jiena nara futur fejn Għawdex ikun leader fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli. Futur fejn azjendi Għawdxin ikunu pijunieri fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda favur l-ambjent. Futur fejn l-ispazji kummerċjali u industrijali jkunu ddominati mill-aħdar u mhux aktar mill-ġriż”, qal il-Prim Ministru. 

Huwa żied jgħid li jrid jara lil Għawdex ma jiddependix minn day trippers, iżda minn turiżmu ta’ kwalità. Għawdex fejn l-agrikoltura u s-sajd joffru karriera ta’ kwalità liż-żgħażagħ tagħna u fejn dawn l-oqsma tradizzjonali jitħalltu ma’ opportunitajiet fit-turiżmu. 

“Nemmen li Għawdex għandu potenzjal fejn it-turist igawdi verament esperjenza ġenwina tas-soċjetà ta’ pajjiżna,” qal il-Prim Minsitru waqt li saħaq li l-bażi tal-politika tagħna lejn Għawdex se tkun dik ta’ investiment kontinwu fir-riżorsi umani u fit-titjib tal-infrastruttura tal-gżira. 

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li Għawdex qiegħed u ser jibqa’ prijorità għal dan il-Gvern filwaqt li semma kif qiegħda tingħata spinta kbira fejn tidħol l-infrastruttura u l-proġetti kapitali b’investimenti rekord. 

Huwa tkellem dwar kif il-konnettività qed tiġi indirizzata bil-fatti fosthom bir-raba’ vapur, bir-rotta l-ġdida tal-linja X300 u qal li dan il-Gvern jinsab impenjat li jwettaq il-proġett tal-mina bejn iż-żewġ gżejjer li issa jinsab fi stadju avvanzat.

Matul il-laqgħa saru interventi wkoll mir-rappreżentati ta’ diversi entitajiet f’Għawdex fosthom tal-Awtorità Għawdxija għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, il-Gozo Tourism Association, il-Gozo University Group, il-kumpanija Gozo Channel u Keen.