Navigate Up
Sign In

Inawgurat il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Menqa f’Marsalforn b’valur ta’ madwar miljun ewro

Reference Number: PR202196, Press Release Issue Date: Nov 06, 2020
 
​Inawgurat il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Menqa f’Marsalforn b’valur ta’ madwar miljun ewro

 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Menqa f’Marsalforn, b’investiment ta’ madwar €1 miljun. 

Il-ministru qal li fost ix-xogħlijiet li saru fil-Menqa, “Nista’ nsemmi servizzi ġodda li kienu jikkonsistu f’tibdil tas-sistema tad-drenaġġ u tal-ilma kif ukoll f’servizzi relatati ma’ komunikazzjoni. Wara li ngħatat il-bażi tal-konkos fuq l-istess servizzi, tpoġġa l-pavimentar bil-porfido quddiem l-istabbilimenti kollha tal-Menqa kif ukoll triq ġdida pavimentata bil-lava tiles. Barra minn hekk, saret rikostruzzjoni wkoll ta’ parti mill-ħajt tal-moll sabiex id-dgħajjes tas-sajjieda jkunu jistgħu jirmiġġaw aħjar. Dan kollu wassal issa għal żona pedonali tal-ogħla livell, sabiex nagħtu valur miżjud lil dawk kollha li jżuru l-Menqa, kemm turisti, residenti, klijenti tar-ristoranti kif ukoll is-sajjieda Għawdxin li jaċċessaw il-bastimenti tagħhom minn hawn”.

Il-Ministru għal Għawdex żied li dan mhuwiex it-tmiem għaliex wara li tlesta l-proġett tal-Menqa, issa bdiet ukoll ir-riġenerazzjoni tal-waterfront ta’ Marsalforn. Wiegħed li dan il-proġett ser ikun komplut qabel l-istaġun tas-sajf tas-sena dieħla, b’investiment globali ta’ €3 miljun. Dan il-masterplan tax-xatt ta’ Marsalforn jinkludi pavimentar bil-lava/porfido ta’ Triq il-Port, Triq il-Forn, Triq San Ġużepp, Triq ir-Rabat u Misraħ Sir Michelangelo Refalo kif ukoll installazzjoni ta’ dwal ġodda u ta’ street furniture biex iż-żona tingħata dehra kontemporanja. 

F’konformità mal-politika tal-gvern li tħeġġeġ l-adozzjoni ta’ mezzi ta’ trasport aktar favur l-ambjent u stil ta’ ħajja iktar b’saħħtu, l-aċċess fil-promenade se jkun pedonali, b’aċċess biss għall-vetturi li għandhom permess biex jagħtu servizz. 

Il-Ministru għal Għawdex qal, “Se nkunu qed nirranġaw it-toroq li jagħtu għal din iż-żona, żewġ toroq li jgħaqqdu lill-bajja ta’ Marsalforn mal-bqija ta’ Għawdex. Se nibdew ir-rikostruzzjoni tat-triq li twassal mill-Belt Victoria għal Marsalforn kif ukoll it-triq li twassal mix-Xagħra lejn Marsalforn b’investiment globali iehor ta madwar €10 miljun. Dan qegħdin nagħmluh biex inkomplu ninvestu f’Għawdex kif qegħdin nagħmlu bi proġett oħra kbar madwar il-gżira, fosthom fir-Rabat, Għawdex, fejn għandna għaddejjin tliet proġetti li jammontaw għal madwar €30 miljun”.

Irrimarka li permezz ta’ dan l-investiment, il-gvern qed jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa mis-settur privat biex jittrasforma Marsalforn f’hub turistiku u ta’ divertiment. Barra minn hekk, qal li permezz ta’ dan l-intervent, il-Ministeru għal Għawdex għandu jistimula aktar investimenti biex jiżgura l-kompetittività tal-industrija turistika lokali li tirrappreżenta madwar 50% tal-produzzjoni ekonomika diretta t’Għawdex u li hija responsabbli għal madwar 20% tal-impjiegi maħluqa fil-gżira Għawdxija.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kkonkluda li jħares ’il quddiem sabiex, “Flimkien inkomplu nwettqu, inkomplu nibdew u ntemmu aktar proġetti għal Għawdex isbaħ u aħjar biex jitgawda mill-Għawdxin, mill-Maltin u minn dawk kollha li jżuruna”.