Navigate Up
Sign In

Beda l-proġett ta’ restawr u konservazzjoni fuq it-Torri tax-Xlendi b’valur ta’ €355,000 iffinanzjat b'fondi Ewropej

Reference Number: PR202192, Press Release Issue Date:
 
Beda l-proġett ta’ restawr u konservazzjoni fuq it-Torri tax-Xlendi b’valur ta’ €355,000 iffinanzjat b'fondi Ewropej​ 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru t-Torri tax-Xlendi fejn ħabbru li għadu kif beda l-proġett ta’ restawr u konservazzjoni fuq dan it-torri, b’valur ta’ €355,000 b’fondi Ewropej.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li r-restawr u t-titjib tas-siti turistiċi u storiċi kien u se jibqa’ prijorità għal dan il-gvern. Huwa spjega kif “it-Torri tax-Xlendi, li nbena fl-1650 mill-Università ta’ Għawdex, kien ilu mitluq għal diversi snin u għalhekk ħassejna l-bżonn li jiġi restawrat għall-istat oriġinali tiegħu. Permezz ta’ dan il-proġett, se nkunu qed nippreservaw binja storika importanti ġewwa Għawdex u nżidu mal-prodott turistiku li joffri Għawdex.” 

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-Ministeru għal Għawdex jibqa’ kommess li jinvesti fil-potenzjal tal-gżira Għawdxija, b’ħidma li twassal għal aktar proġetti ta’ tisbiħ u investimenti ġodda. 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif €355,000 huma kofinanzjati b’fondi Ewropej li se jkopru r-restawr tat-torri. Hu qal li l-preservazzjoni ta’ binjiet storiċi hija essenzjali biex uliedna jkunu jistgħu igawdu dak li ħallewlna missirijietna. Huwa stmat li dan il-proġett se jkollu madwar 10,000 viżitatur fis-sena, b’hekk se nkunu qed insaħħu wkoll l-ekonomija Għawdxija. 

Is-Segretarju Parlamentari qal li, “Permezz ta’ dan il-proġett, se nkunu wkoll qed insaħħu l- prodott turistiku Għawdxi, hekk kif se ntejbu t-turiżmu kulturali biex nattiraw turist ta’ kwalità.”

Wara li jitlesta r-restawr tat-Torri tax-Xlendi, se jsir interpretation centre fit-Torri stess li se joffri informazzjoni dwar l-irwol militar li kellu dan it-torri taħt il-ħakma tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. 

Ladarba il-proġett tat-Torri tax-Xlendi jkun lest, huwa stmat li jżuruh madwar 10,000 persuna fis-sena.
Beda l-proġett ta’ restawr u konservazzjoni fuq it-Torri tax-Xlendi b’valur ta’ €355,000 iffinanzjat b'fondi Ewropej.