Navigate Up
Sign In

Wegħda oħra mwettqa bit-tnedija tal-Gozo Teleworking Scheme

Reference Number: PR200989, Press Release Issue Date: May 25, 2020
 
Wegħda oħra mwettqa bit-tnedija tal-Gozo Teleworking Scheme

 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda skema ġdida, il-Gozo Teleworking Scheme, li tirrigwarda lill-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu fis-settur privat f’Malta.

Huwa stqarr li din hija kkunsidrata wkoll bħala miżura soċjali hekk kif qegħdin ninċentivaw il-kunċetti ta’ work-life balance u family-friendly measures, filwaqt li fakkar kif b’hekk il-Ministeru għal Għawdex se jkun wettaq wegħda oħra tal-Gvern kif stabbilit fil-Manifest Elettorali 2017 u miżura tal-baġit għas-sena 2020.

Il-Ministru Camilleri qal li, “f’dawn l-aħħar ġimgħat minħabba l-pandemija, ħeġġiġna ħafna lil min iħaddem biex fejn hu possibbli joffri t-telework lill-ħaddiema tiegħu. Bosta employers li offrew it-telework innutaw li filwaqt li x-xogħol baqa’ għaddej b’ritmu tajjeb, jekk mhux aħjar, naqsulhom ukoll ħafna spejjeż. U għalhekk sabiex inkomplu nħeġġu t-telework qed inniedu l-Gozo Teleworking Scheme.” 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li permezz ta’ din l-iskema ser inkunu qed noffru inċentivi lil min iħaddem sabiex intaffu sew l-ispejjeż tal-kumpanija, kif ukoll ser inkunu qed noffru opportunità lill-ħaddiema Għawdxin sabiex jitnaqqsilhom l-iskariġġ li ta’ kuljum iridu jaqsmu l-fliegu. 

Minn din l-iskema, se jkunu qed jibbenefikaw finanzjarjament kumpaniji bbażati f’Malta li joffru lill-ħaddiema Għawdxin, residenti f’Għawdex il-faċilità ta’ teleworking, jiġifieri li jaħdmu mid-dar. Kull kumpanija tista’ tingħata benefiċċju sa massimu ta’ 10 ħaddiema fis-sena.

Il-fond se jkun qed jagħti inċentivi finanzjarji fuq żewġ binarji:
- Rimborż parzjali ta’ 75% sa massimu ta’ €850 fuq spiża ta’ appart teknoloġiku għal kull impjegat
- Rimborż tas-salarji sa massimu ta’ €10,000 fuq medda ta’ 3 snin, li jkunu offruti fuq bażi pro-rata skont l-ammont ta’ ġranet fil-ġimgħa li l-impjegat ikun assenjat telework
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li se nkunu qed inħarsu lejn is-sostenibbiltà ta’ din l-iskema b’mod sensittiv għaliex dawk il-kumpaniji li joffru l-faċilità  ta’ telework fit-tul ser ikollhom ir-rimborż annwali kif isegwi:
- Fl-ewwel sena massimu ta’ €3,000
- Fit-tieni sena massimu ta’ €3,000
- Fit-tielet sena massimu ta’ €4,000
Ir-rimborż tas-salarji jingħata wara l-ewwel sena ta’ ħidma bit-telework, filwaqt li r-rimborż parzjali fuq l-apparat tekniku jkun eliġibbli meta l-applikazzjoni tiġi milqugħa mill-ministeru skont il-linji gwida stabbiliti, li ser ikunu qed jidhru fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru Għal Għawdex fil-jiem li ġejjin.