Navigate Up
Sign In

Gozo Alive 2020 – tlett ijiem ta’ divertiment għall-familja kollha

Reference Number: PR200424, Press Release Issue Date: Mar 09, 2020
 
Gozo Alive 2020 – tlett ijiem ta’ divertiment għall-familja kollha

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn nieda Gozo Alive 2020, avveniment li sar parti mill-kalendarju kulturali f’Għawdex. Il-Ministru Camilleri qal li l-attivitajiet f’Għawdex matul din is-sena se jkomplu fl-aqwa tagħhom b’aktar viżitaturi li jaqsmu l-fliegu sabiex igawdu mill-attivitajiet organizzati. Huwa spjega li wieħed mill-għanijiet ta’ Gozo Alive huwa li tingħata opportunità lill-artisti Għawdxin u Maltin sabiex jesponu t-talenti tagħhom u jkunu parti minn dan l-avveniment.
 
It-tema ta’ Gozo Alive din is-sena se tkun ‘We Create, You Celebrate’. Matul il-ġimgħat li għaddew ħarġet sejħa għal dawk l-artisti li għandhom xi proġett sabiex jressquh quddiem it-tim ta’ Gozo Alive. It-tim ta’ Gozo Alive kellu numru sabiħ ta’ proposti u li minnhom qed jinbena l-programm ta’ Gozo Alive 2020.
 
Gozo Alive isir fuq tlett ijiem u d-dati ta din is-sena kienu diġà tħabbru iżda minħabba li ż-żjara tal-Papa se tinzerta f’waħda mill-ġranet ta’ Gozo Alive, illum tħabbru d-dati l-ġodda. Dawn huma il-Ġimgħa 5, is-Sibt 6 u l-Ħadd 7 ta’ Ġunju. 
 
Il-programm tal-Ġimgħa se jkun qed jiffoka l-attivitajiet f’Santa Luċija. Is-Sibt u l-Ħadd se jkun madwar Għawdex kollu bil-qofol jintlaħaq is-Sibt filgħaxija b’numru kbir ta attivitajiet, bil-parteċipazzjoni ta’ artisti Għawdxin, Maltin u mistieden internazzjonali li se jitħabbar fil-jiem li ġejjin.
 
Il-Ministru Camilleri qal li Gozo Alive hija attività li tinteressa lil kulħadd: lill-familji, liż-żgħażagħ, lill-anzjani, lit-tfal u lil dawk li jħobbu l-arti, il-mużika, il-fotografija, l-istorja, il-karozzi antiki, il-moda, iż-żfin, il-folk u ħafna aktar għal dawk li jridu jqattgħu tmiem il-ġimgħa jirrilassaw fil-ġmiel li toffri l-gżira Għawdxija.
 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li għal Gozo Alive jattendu bosta Maltin u turisti li u għalhekk din it-tnedija se sservi biex dawk kollha interessati jkollhom żmien biżżejjed biex jippjanaw il-vaganza tagħhom f’Għawdex fi tmiem il-ġimgħa mill-aqwa li se jkun organizzat fuq il-gżira.