Navigate Up
Sign In

Tindif u tluq tal-fekruna Jenna f’Ħondoq ir-Rummien, bajja bil-bandiera blu

Reference Number: PR201215, Press Release Issue Date:
 
Tindif u tluq tal-fekruna Jenna f’Ħondoq ir-Rummien, bajja bil-bandiera blu


Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Ministru  għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia attendew għal attività b’rabta mal-Blue Flag fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, fejn kienu bosta dawk li għenu sabiex inaddfu qiegħ il-baħar mill-skart li jintrema b’mod irresponsabbli. 

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “hu importanti l-irwol tal-Ministeru għal Għawdex li flimkien mal-NGOs u l-iskejjel ikompli bl-edukazzjoni formali u anke barra mill-klassi għall-istudenti u l-pubbliku sabiex nibżgħu dejjem għall-ambjent ta’ madwarna u tal-baħar u nippruvaw inkunu sostenibbli kemm nistgħu fl-għażliet u l-istil ta’ ħajja tagħna.”  Dan filwaqt li esprima s-sodisfazzjon li f’Għawdex hemm tliet bajjiet Blue Flag, dik ta’ Marsalforn, tar-Ramla u Ħondoq. Dan ifisser li l-bajjiet jilħqu l-ogħla kriterji, kemm dawk ambjentali, tal-kwalità tal-ilma u tal-faċilitajiet li l-bajja toffri lil min iżurha fost l-oħrajn. 

Il-Ministru Aaron Farrugia saħaq dwar l-importanza li nipproteġu l-bijodiversità u l-ekosistemi tal-gżejjer tagħna u l-importanza li t-tfal ikollhom rwol attiv fis-salvagwardja tal-ambjent għaliex huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna.

Il-Ministri assistew ukoll għat-tluq tal-fekruna bl-isem ta’ Jenna li ġiet salvata meta nqabdet fil-ħbula tas-sajd f’Marsalforn. Permezz ta’ Nature Trust Malta din ingħatat il-kura li kien hemm bżonn u tfejqet mill-ġrieħi li kellha sabiex issa marret lura fl-ambjent naturali tagħha, fil-baħar. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar ukoll li lejn l-aħħar ta’ Lulju qegħdin nistennew li jkollna it-tfaqqis tal-bajd tal-fekruna li tinsab ukoll fi Blue Flag beach, oħra dik tar-Ramla.