Navigate Up
Sign In

Titqiegħed l-ewwel ġebla tal-Mużew ta’ Għawdex – proġett li se jiswa €9 miljun

Reference Number: PR201158, Press Release Issue Date: Jun 19, 2020
 
Titqiegħed l-ewwel ġebla tal-Mużew ta’ Għawdex – proġett li se jiswa €9 miljun

 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qiegħdu l-ewwel ġebla tal-Mużew ta’ Għawdex, proġett li se jiġi jiswa madwar €9 miljun.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li issa li tpoġġiet l-ewwel ġebla jħares ’il quddiem li tibqa’ għaddejja l-ħidma sabiex jitlesta dan il-proġett, jinfetaħ u jibda jilqa’ fih l-Għawdxin, il-Maltin u t-turisti. Hu qal li jemmen “li b’dan il-proġett se jkollna mużew li apparti li jirrispetta dan kollu ser ikun wieħed mill-attrazzjonijiet li se jkollu Għawdex, li barra l-ġmiel naturali tiegħu bħala gżira rridu niffukaw fuq turiżmu speċifiku, turiżmu ta’ kwalità, turiżmu li jkun qed ifittex postijiet bħal dawn fejn ikun jista’ japprezza l-kultura tal-gżira, il-mod ta’ kif kienu jgħixu missirijietna, ikun jista’ jara dak li għandu x’joffri pajjiżna.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan huwa wieħed mill-akbar investimenti li qed isir f’Għawdex, ta’ €9 miljun. Spjega li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-ewwel fażi, wing ġdida li se tkun iddedikata għall-istorja marittima filwaqt li se jsir ir-restawr fuq il-binja eżistenti mibnija mill-Perit Huntingford u wings oħrajn. Qal li matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkun qed jara li jinżammu t-timeframes sabiex dan il-proġett mhux biss jibda imma jitlesta. Hu qal li x-xogħlijiet se jibqgħu għaddejjin għal numru ta’ xhur għaliex huwa proġett kbir. Huwa rringrazzja lill-periti u lit-tim kollu li qed jaħdem fuq dan il-proġett kif ukoll lill-Ministru José Herrera. Hu qal li jħares ’il quddiem sabiex jara l-viżitaturi jgawdu mhux biss l-istorja ta’ pajjiżna imma l-wirt f’Għawdex, l-istorja partikolari li għandu Għawdex, u dak kollu li sawwar lill-poplu Għawdxi f’dan il-mużew, mużew li se jkun tal-ewwel xorta tiegħu ġewwa Għawdex, u li se jinkorpora fih kemm esibizzjonijiet permanenti kif ukoll temporanji.  

Il-Ministru José Herrera tenna li Għawdex huwa mogħni b’rikezzi kbar f’dak li huwa patrimonju ta’ pajjiżna. “Ninsab sodisfatt li flimkien mal-kollega Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, il-poplu Għawdxi kif ukoll eluf oħra ta’ Maltin u turisti li jżuru din il-gżira, ser ikollhom l-opportunità li jesperjenzaw il-patrimonju vast li hawn f’Ghawdex”, irrimarka l-Ministru Herrera hekk kif saħaq li dan il-proġett b’investiment ta’ madwar €9 miljun  ser ikun qiegħed joffri esperjenza unika oħra bħal ma qiegħda diga toffri Heritage Malta fil-mużewijiet u siti l-oħra madwar Malta u Għawdex. Apparti dan, il-proġett tal-Mużew t’Għawdex ser ikun qiegħed iservi bħala pjattaforma sabiex diversi artifatti li llum mhux qiegħdin esposti jkunu jistgħu jibdew jitgawdew mill-viżitaturi ta’ dan il-mużew.

Il-Ministru Herrera saħaq li dan huwa proġett ieħor kbir u importanti li ser jingħaqad ma’ diversi siti u mużewijiet oħra immaniġġjati minn Heritage Malta. Il-Ministru elenka numru ta’ proġetti kbar li bħalissa għaddejja ħidma intensiva fuqhom madwar Malta u Għawdex fosthom dak tal-Palazz tal-Gran Mastru, il-Main Guard fil-Belt Valletta u Villa Guardamanga.

Waqt l-iskavar instabet barriera Rumana ta’ interess arkeoloġiku partikolari u ttieħdet ukoll id-deċiżjoni li tkun integrata fil-binja tal-Mużew. Dan il-proġett qed jiġi implimentat mill-Ministeru għal Għawdex u l-oġġetti li ser ikunu esibiti ġejjin kollha mill-Kollezzjoni Nazzjonali li tmexxi Heritage Malta.