Navigate Up
Sign In

Titranġa Triq Masri, fix-Xagħra u tibda triq Marsalforn b’valur ta’ €1.2 miljun

Reference Number: PR201049, Press Release Issue Date: Jun 03, 2020
 
Titranġa Triq Masri, fix-Xagħra u tibda triq Marsalforn b’valur ta’ €1.2 miljun

Waqt żjara li għamel fi Triq Masri, fix-Xagħra, li qiegħda titranġa b’valur ta’ €62,000, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li issa waslet biex tibda Triq Marsalforn li se tiġi rranġata b’valur ta’ €1.2 miljun. Hawnhekk il-Ministru Camilleri fakkar kif numru ta’ toroq arterjali u residenzjali qegħdin jiġu ristrutturati mill-ministeru. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li Triq Masri, fix-Xagħra hija waħda mit-toroq li ġew irranġati f’din il-lokalità b’finanzjament mill-ministeru hekk kif fix-xhur li għaddew tlestew Triq Gajdoru, Triq il-Kumittiva, parti minn Triq Ġorf u tranġat ukoll it-triq Tal-Qaċċa.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tax-Xagħra Christian Zammit irringrazzja lill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri tal-investiment li qiegħed isir fit-toroq ta’ Għawdex b’mod partikolari toroq fix-Xagħra li tant kellhom bżonn jingħataw wiċċ ġdid.

Il-Ministru għal Għawdex Camilleri temm jgħid li jinsab kommess li jkompli jiffinanzja aktar toroq u dawn ix-xogħlijiet infrastrutturali kontinwi huma xhieda tal-importanza li dan il-Gvern qiegħed jagħti lill-infrastruttura fil-gżira Għawdxija.